Aġġornata: Ryan Callus jirriżenja mill-Awtorità tal-Artijiet

Aġġornata 11.15am bir-reazzjoni tal-Gvern

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus irriżenja mill-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet, rwol li kien jokkupa bħala rappreżentant tal-Oppożizzjoni. Huwa qal li l-Awtorità ġiet maħtufa minn nies viċin il-Gvern u qal li f’għajnejh ma tidhirx indipendenti.

Dan isegwi dak li għamlet id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli meta l-Ħadd li għadda rriżenjat mill-Awtorità tal-Ippjanar minħabba li qalet li din l-Awtorità ġiet maħkuma minn nies u forzi li qed jinjoraw għal kollox il-ġid komuni. 

AQRA: Marthese Portelli tirriżenja mill-Awtorità tal-Ippjanar

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li Callus irriżenja bi ftehim mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. L-ittra tar-riżenja, indirizzata liċ-Chairman tal-Awotirtà l-Imħallef Emeritu Lino Farrugia Sacco, tgħid li l-Oppożizzjoni hija ddiżappuntata ferm bl-ordni Ministerjali biex il-Bord tal-Gvernaturi jiddelega poteri sostanzjali lill-Kap Eżekuttiv James Piscopo.

AQRA: “Kollox lil tal-qalba” – Delia dwar James Piscopo

Il-Partit Nazzjonalista kien kritiku tar-riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet għall-Awtorità tal-Artijiet minħabba li kien qal li l-Prim Ministru se jibqa’ jkollu l-kontroll tal-Awtorità tal-Artijiet. F’konferenza tal-aħbarijiet, Callus kien qal li m’għandux ikun hemm politiċi fil-Bord tal-Gvernaturi tal-awtorità l-ġdida.

AQRA: “Minkejja r-riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet, il-PM se jżomm il-kontroll”

Intant, b’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Gvern qal li hu mħasseb dwar dik li sejjaħ bħala “logħba politika li qed tipprova tilgħab l-Oppożizzjoni għad-dannu tal-istituzzjonijiet”. Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali qal li l-kwistjoni prinċipali hija l-kredibbiltà u l-Oppożizzjoni hija nieqsa minnha. Spjega kif fid-29 ta’ Ottubru li għadda, Callus wera nuqqas ta’ qbil ma’ deputata oħra tal-Oppożizzjoni, li qalet li l-partiti m’għandhomx jibqgħu bir-rappreżentanti tagħhom fl-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Artijiet. Il-Gvern stqarr li Callus iġġustifika li hu għandu jibqa’ membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet biex jassigura trasparenza.

L-ittra tar-riżenja ta’ Ryan Callus: