Rużarju mill-Papa mxandar f’Ta’ Pinu fil-ħin li kellu jkun Malta

Il-Papa Franġisku se jmexxi rużarju fil-Vatikan nhar is-Sibt li ġej, bix-xewqa li l-inizjattiva tiegħu tkun replikata fl-istess ħin fis-santwarji nazzjonali. Fl-istess jum u ħin, il-Papa kellu jkun fis-Santwarju ta’ Pinu, għalhekk, fis-santwarju se jixxandar ir-rużarju tal-Papa.

Dan se jsir għada s-Sibt fil-5.30pm. Il-Papa Franġisku se jmexxi r-rużarju minn quddiem il-Grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fil-ġonna tal-Vatikan. Huwa għamel sejħa biex jingħad ir-rużarju bħala talba biex il-Madonna tieqaf mad-dinja f’din l-imxija tal-coronavirus.

Il-Papa Franġisku kellu jibda ż-żjara tiegħu f’Malta fit-30 ta’ Mejju, u din kellha tinfirex fuq jumejn. Iż-żjara kellha tiġi posposta minħabba l-pandemija.

Is-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex ġie mistieden flimkien ma’ santwarji Marjani ewlenin minn mad-dinja kollha biex jieħu sehem f’dan ir-rużarju li se jixxandar mondovisione. Mons. Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, se jkun preżenti waqt din it-talba mill-istess Santwarju.

Il-Public Broadcasting Services u ċ-Centro Televisivo Vaticano qed jikkollaboraw biex titwassal mad-dinja kollha din ix-xandira speċjali bil-kollegament ta’ natura universali.

Il-PBS, iċ-CTV u Radio Vaticana għandhom ftehim ta’ koperazzjoni awdjoviżiva li kien ġie ffirmat minn Padre Federico Lombardi SJ bħala Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, u Tonio Portughese, Chairman tal-Bord tal-PBS.