Rużarju għas-salvazzjoni tad-dinja

L-isqfijiet Kattoliċi tal-Polonja talbu lill-membri tal-Knisja biex jieħdu sehem f’siegħa reċitazzjoni tar-Rużarju Mqaddes mifrux fuq il-fruntieri kollha tal-pajjiż f’talba biex id-dinja tkun salvata mid-dnub u fl-istess waqt jikkommemoraw is-salvazzjoni tal-Ewropa mill-Iżlam fis-Seklu Sittax.
Il-Konferenza Episkopali bbażata f’Varsavja qalet li l-idea hi li jkun hemm reċita tar-rużarju madwar il-pajjiż kollu għall-Polonja u għall-bqija tad-dinja.
Huma appellaw lill-Insara biex jappoġġjaw din l-inizjattiva: saċerdoti, reliġjużi, lajċi kbar u żgħar.
Ir-Rużarju fuq il-Fruntieri għandu jsir fis-7 ta’ dan ix-xahar u jkun jimmarka ċ-ċelebrazzjonijiet ċentinarji mid-Dehriet ta’ Fatima, u fl-istess waqt issir penitenza li l-Madonna talbet fl-1917 lit-tlitt itfal Luċija, Ġjaċinta u Franġisku, li issa saru qaddisin.
“Mitt sena ilu, il-Madonna tat lil dawn it-tlitt itfal Portugiżi sejħa għas-salvazzjoni: "ikkonvertu, pattu għad-dnubiet kontra l-Qalb Immakulata tiegħi u għidu r-rużarju."  
"J’Alla t-talba tar-rużarju tgħaqqad ukoll lil dawk li ma jistgħux jilħqu l-fruntieri ta’ pajjiżna, ejja naraw familji jitolbu fid-djar tagħhom, il-morda fl-isptarijiet u l-komunitajiet parrokkjali fil-knejjes tagħhom”, appellaw l-Isqfijiet.
L-organiżaturi qalu li almenu miljun persuna mistennija jieħdu sehem f’din it-talba tal-massa tul l-2000 mil tal-fruntiera Pollakka li tinkludi pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Ukrajna u r-Russja.
319-il knisja fi 22 djoċesi se jservu bħala postijiet fejn jinġabru n-nies.
“Ejja nitolbu maħfra u nindmu għad-dagħa kontra l-Qalb Immakulata ta’ Marija, u nitolbu lil Omm Alla tintervjeni biex issalva lill-Polonja u lid-dinja.  Jekk miljun persuna jgħidu r-Rużarju, dan mhux biss jista’ jibdel it-triq li qbadna imma wkoll jiftaħ il-qlub biex fihom taħdem il-grazzja t’Alla”, qalu l-Isqfijiet fl-appell tagħhom fuq is-sit elettroniku tad-djoċesi.