Awdjo: Rużar Briffa: poeta riflessiv u student ribelluż

Rużar Briffa, il-poeta riflessiv li ġabar il-ħsieb tiegħu b’mod konċiż u tnebbaħ mill-esperjenzi tal-ħajja, mis-solitudni u n-niket, huwa wkoll l-istudent ribelluż u ta’ kuraġġ.
Hekk iddeskrivih Joe Borg waqt l-intervista ma’ George Cremona fil-programm T’Għomru Qasir fuq RTK.
Fl-1931 waqqaf l-Għaqda tal-Malti – Università, flimkien ma’ Ġużè Bonnici u beda joħroġ ir-rivista Leħen il-Malti.
L-Għaqda bdiet fiż-żmien tal-kwistjoni tal-lingwa, kwistjoni li qanqlet il-pajjiż u li minnha ħarġu l-partiti politiċi.
Dak iż-żmien il-Malti kien għadu ma daħalx fl-Università ta’ Malta bħala suġġett akkademiku.
Permezz tal-Għaqda, Briffa ried jagħti d-dinjità lill-Malti u kien l-ewwel pass biex iktar ’il quddiem jibda d-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
Fl-isfond ta’ dan, Cremona jistaqsi lil Borg għala l-Poeta Nazzjonali hu Dun Karm u mhux Rużar Briffa.
B’referenza għal meta l-Parlament Malti ddiskuta biex jagħmel lil Karmenu Vassallo Poeta Nazzjonali, Vassallo rtira għax ma rridx iniżżel lil Dun Karm minn fuq il-pedestall.
Borg jgħid li kieku Rużar Briffa jagħmel l-istess.
Fatt interessanti huwa li Dun Karm kiteb poeżija ddedikata lil Briffa.
Dun Karm ma kienx japprezza wisq il-poeti li kienu għadhom telgħin u din il-poeżija hija mument rari.
Matul l-intervista Borg iddeskriva lil Briffa bħala l-poeta Nisrani għax juri empatija ma’ dak li jġarrab.
Tant li ma kienx jiddejjaq jiekol mal-pazjenti tiegħu.
Dak li ħass għall-pazjenti tiegħu ġabru f’poeżiji u qasmu ma’ kulħadd. Hawnhekk Briffa laħaq il-qofol tiegħu f’kitbietu għax is-sentiment tiegħu sar universali, għal kull min iġarrab f’ħajtu.
Waqt il-programm T’Għomru Qasir fuq l-RTK ixxandret silta minn intervista rari ħafna ma’ Briffa. L-intervista saret fl-1962 minn Ġużè Aquilina.
Fuq nota umoristika Briffa jgħid li l-unika mużika li kien jagħraf kien il-God Save The Queen.
Madankollu  għalkemm ma kellux widna għall-mużika, ir-ritmu u l-metrika kienu jiġu waħedhom.
Briffa stqarr li ma jiktibx poeżiji okkażjonali.
Briffa qal li l-poeżija Jum ir-Rebħ ma kienx hu li kitibha imma d-dagħdigħa li kellu fuqu, meta ra poplu li kien maqsum politikament qam jgħajjat meta ma semgħax l-Innu Malti.
L-intervista ma’ Joe Borg saret minn George Cremona u xxandret waqt il-programm T’Għomru Qasir fuq RTK