Russja: Eluf ifakkru l-memorja tal-mexxej tal-Oppożizzjoni li kien assassinat

REUTERS/Maxim Shemetov

Eluf ta’ Russi nġabru fiċ-ċentru ta’ Moska għad-dimostrazzjoni annwali li tfakkar il-memorja tal-mexxej tal-Oppożizzjoni Boris Nemstov, li nqatel b’tiri qrib il-Kremlin fl-2015. Nemstov kien serva bħala Deputat Prim Ministru fiż-żmien il-Presidenza ta’ Boris Yeltsin fi snin 90.

AQRA: Eks-Deputat PM Russu jinqatel b’4 tiri f’dahru

L-attivisti li nġabru ġarrew kartelluni bir-ritratti ta’ Nemstov u mxew wara strixxun li fuqu kien hemm miktub li wasal iż-żmien li jieħdu r-Russja lura mingħand l-imbriljuni.

Madwar 10,600 persuna inġabru għad-dimostrazzjoni madwar 1.5km mill-Kremlin skont l-għaqda mhux governattiva White Counter, li xogħolha huwa li tgħodd il-parteċipanti fid-dimostrazzjonijiet.

Dimostrazzjoni oħra bdiet f’St Petersburg.

Il-politiku Russu Ilya Yashin u wieħed mill-organizzaturi saħaq li din kienet dimostrazzjoni kontra l-President Vladimir Putin u li qed jitolbu biex ir-Russja jkun pajjiż ħieles u demokratiku f’filmat li deher qabel ma bdew id-dimostrazzjonijiet.

Nemstov kien wieħed mill-ikbar kritiċi tal-President Putin qabel ma nqatel fl-2015 hu u jaqsam il-pont viċin tal-Kremlin. Huwa kellu 55 u kien qed jaħdem fuq rapport li kien qed jeżamina l-irwol tar-Russja fil-kunflitt fl-Ukrajna.

Il-Qorti kienet sabet raġel ħati tal-mewt ta’ Nemstov u bgħatitu 20 sena ħabs filwaqt li 4 kompliċi oħra ngħataw sentenzi li jvarju minn 11 sa 19-il sena, fl-2017.

AQRA: Ir-Russja ċerta min spara u qatel lil Nemtsov

AQRA: Russja: Żewġt’ irġiel jinqabdu b’suspett li qatlu lil Boris Nemtsov

AQRA: Aġġornata: Jitfakkar il-qtil ta’ Boris Nemtsov f’Moska

Dak iż-żmien l-alleati ta’ Nemstov kienu saħqu li l-investigazzjoni kienet cover-up filwaqt li dawk li ordnaw l-assassinju tal-politiku ma nqabdu qatt.