Ruma ta’ San Girgor se tingħaqad ma’ Ta’ Kerċem

Purċissjoni li kienet saret Ruma fis-sena 590 W.K, meta l-belt kienet inħakmet mill-pesta, se tkun qed terġa’ tieħu l-ħajja f’Ta’ Kerċem.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa f’ġieħ il-Madonna tas-Sokkors, il-Kumitat tal-Festa se jkun qed itella’ l-Oratorju Ommna tas-Sokkors li kien inħadem fl-1986.
Dan l-Oratorju inkiteb mill-Isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi b’mużika tas-Surmast Joseph Sammut,
Il-ġrajja tirrakonta l-purċissjoni li kienet saret fuq talba tal-Papa San Girgor il-Kbir, bil-għan li bit-talb u l-pentitenza jeħilsu l-poplu mill-presta.
F’din il-purċissjoni kienu ħadu sehem mijiet ta’ pellegrini flimkien mal-Papa nnifsu li żamm f’idejk ix-xbieha tal-Madonna. Il-ġrajja tirrakonta li mallu l-purċissjoni waslet sa fejn illum hemm Kastell Sant’ Anġlu instema’ leħen l-anġli jgħannu “Sultana tas-Sema, ifraħ.”
Il-poplu kien niżel għarkubbtejh u San Girgor, qisu mnebbaħ, kompla jgħid: “Itlob ‘l Alla għalina, Hallelujah”.
F’dak il-ħin, fuq il-quċċata tat-Torri deher anġlu jdaħħal ix-xabla fil-għant tagħha, biex ifisser li Alla, għat-talb tal-Imqaddsa Omm tiegħu, waqqaf il-kastig u ħeles il-belt ta’ Ruma mill-pesta, li kienet qed tifniha. Statwa tal-bronż għadha sal-lum tiddomina fuq Kastell Sant’Anġlu.
L-ispettaklu mużikali li se jittella’ nhar it-Tlieta li ġej, 4 ta’ Lulju b’d-direzzjoni u l-arranġamenti mużikali huma ta’ Mariella Spiteri Cefai assistita minn Emma Micallef.
Id-direzzjoni artistika tal-produzzjoni se tkun f’idejn George Mizzi filwaqt li l-koreografija hija ħolqien ta’ Sarah Grech.