Ruling tal-Ispeaker jista’ qed jikser dritt importanti

Il-Qorti Kostituzzjonali se tiddeċiedi jekk ruling li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia fil-Parlament tiksirx id-drittijiet tal-bniedem.
Dan wara każ li fetaħ Frank Sammut, l-eks konsulent tal-Enemalta, u każ separat minn Anthony Cassar ta’ Cassar Ship Repair u Francis Portelli ta’ Virtu Ferries.
Iż-żewġ każijiet infetħu kontra l-Ispeaker u kontra Jason Azzopardi bħala chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker kien qal li l-persuni nvoluti ma jistgħux ma jidhrux quddiem il-Kumitat biex iwieġbu mistoqsijiet dwar l-allegat skandlu taż-żejt.
Qal ukoll li dawn jistgħu jekk iridu jirrifjutaw li jwieġbu mistoqsijiet jekk jaħsbu li jistgħu jinkriminawhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, ikun hu mbagħad, bħala Speaker, li jiddeċiedi jekk dawn għandhomx iwieġbu.
L-Imħallef mill-ewwel saħaq li l-Parlament jista’ jirregola l-proċeduri tiegħu sakemm dawn ma jiksrux il-Kostituzzjoni. Iżda issa mistenni jiddeċiedi jekk id-dritt tat-tlett irġiel, li jagħżlu jibqgħux siekta, ġiex miksur bid-deċiżjoni ta’ Anġlu Farrugia.