Ruħna aktar utli wara li mmutu – l-Isqof Grech

Fl-Ittra lill-Poplu t’Alla li se tinqara fil-quddies kollu tas-Solennità tal-Qaddisin għada fid-Djoċesi t’Għawdex, l-Isqof Grech elenka numru ta’ qaddisin li qabel ma mietu, ħeġġew lill-familjari tagħhom biex jitolbu lilhom la jmutu, għax se jkunulhom aktar utli ladarba jmutu.

Fix-xahar iddedikat lill-erwieħ, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li aktar għandna naħsbu f’dawk li ħallewna u anke nitolbuhom, għax huma jidħlu għalina quddiem Alla, li qegħdin fil-preżenza tiegħu kontinwament. L-Isqof semma mara li qaltlu esperjenza tagħha tal-interċessjoni tal-erwieħ.

Fost il-qaddisin li jsemmi, hemm Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li qalet: “Jien ngħaddi ż-żmien tiegħi fis-Sema nagħmel il-ġid fuq l-art.” L-Isqof semma wkoll lil San Alfons Maria de’ Liguori li kien jgħid li l-erwieħ tajba jistgħu jitolbu għalina anke meta jkunu għadhom fil-Purgatorju.

L-Isqof ħeġġeġ lill-Maltin u Għawdxin biex jitolbu għall-erwieħ tal-Purgatorju u anke għall-interċessjoni tal-antenati tagħhom.