Ruħ il-Maċina se tibqa’ fil-lukanda Gran Cugó

Il-Gran Cugó – Macina, Grand Harbour huwa l-isem tal-lukanda esklussiva li mistennija tiftaħ il-bibien tagħha s-sajf li ġej, hekk kif il- bastjun ikoniku tal-Isla, magħruf bħala l-Maċina, qed ikun restawrat u rinnovat biex jieħu l-ħajja mill-ġdid.
Din il-lukanda se tkun qed toffri ambjent ta’ lussu modern b’veduti uniċi tal-Port il-Kbir, biex b’hekk il-Maċina terġa’ tikseb il-passat glorjuż li kellha tul is-sekli.
Il-Maċina, li kienet tissejjaħ mill-Ingliżi bħala sheer bastion, inbniet mill- Gran Mastru Claude de la Sengle fl-1554, u kienet waħda mill-aktar postijiet emblematiċi fil-Port il-Kbir.
L-isem "Maċina" ħareġ mill-kelma "macchina", kif dan il-bastjun kien jissejjaħ fi żmien il-Kavallieri, peress li fuqu kien hemm krejn li kien jintuża biex jitwaħħlu  u jinqalgħu l-arbli twal tal-bastimenti, kif ukoll biex tinħatt u titgħabba merkanzija tqila.
Bi sfond ta' fortizza bi swar storiċi mħallat ma’ interior design b’karatteristiċi raffinati u ta’ lussu, il- Cugó Gran se tkun tassew lukanda b'differenza. Se toffri 21 suite li jvarjaw minn 40 metru kwadru sa daqs impressjonanti ta’ 130 metru kwadru, kollha kemm huma bil-veduti tal-marina u tal-Port il-Kbir.
Mistoqsi dwar il-potenzjal tal-proprjetà, il-kap eżekuttiv tal-kumpanija li se tmexxi l-Gran Cugó,l-IBB Hotel Collection, Vladimir Saal, qal, “'Nemmnu li l-proprjetà tal-Maċina għandha l-potenzjal li terga’ takkwista dik il-glorja li kellha fil-passat tul is-sekli u terġa’ ssir parti storika integrali mill-Port il-Kbir ta' Malta.Kollox qed isir bil-għan li jintlaħaq il-livell ta’ lussu li qed nimmiraw għalih.”
Fl-ewwel ritratt: Il-Maċina bil-krejn fil-bidu tas-Seklu 20
Fit-tieni ritratt: Id-dehra mil-lukanda Gran Cugó