Rubini: Minn drama televiżiva għal rumanz pubblikat?

Andrei Grech u Sharon Calleja fl-2011 fis-serje Rubini

Żgur li ħafna jiftakru d-drama televiżiva Rubini li fl-2011 kienet ixxandret fuq Net u li kellha bħala protagonisti atturi bħal Sharon Calleja, Andrei Grech u Tanya Bartolo fost oħrajn. Għalkemm kien hemm il-ħsieb li xi darba jitkompla, issa hemm il-ħsieb li l-istorja li rajna fuq it-televiżjoni titwassal mill-ġdid, din id-darba bħala rumanz ippubblikat fi ktieb.

Dan ħabbritu llum Sharon Calleja waqt l-edizzjoni li xxandret illejla ta’ Nitfa Kultura, ppreżentat minn Frederick Zammit, fuq l-istazzjon RTK 103fm.

Calleja, illum il-ġurnata stabilixxiet ruħha bħala awtriċi u ppubblikat erba’ kotba: Cagħaq, Friefet, Pupa tal-Porċellana u Il-Kaxxa tad-Daqq.

Issa jidher li fuq l-aġenda tagħha hemm li ‘l quddiem tagħmel addattament ta’ din id-drama televiżiva għal rumanz li żgur jintlaqa’ tajjeb minn ħafna Maltin u Għawdxin.

Għalfejn qegħdin jinstemgħu ħsejjes strambi u jidhru d-dellijiet f’Villa Zammit? Samantha teħodna fil-passat tagħha biex naraw minn xiex għaddiet li wassal għal dawn l-avvenimenti sopranaturali. X’sigriet hemm mistur fil-ġiżirana sabiħa tar-rubini li Robbie taha fil-lejl ta’ għeluq sninha? Tgħid bejnha u bejnu hemm xi ħaġa iktar minn hbiberija? X’qegħda tissuspetta Paola? Min huma Karl u Owen? X’rabta hemm bejnhom u bejn John Demanuele?

Din hija l-bażi tal-istorja ta’ Rubini ta’ Sharon Calleja li nistennew li tiġi addattata bħala rumanz aktar il-quddiem.