​RTK żied l-udjenzi

L-udjenza ta’ RTK f’Ottubru ta’ din is-sena rreġistrat żieda ta’ 16% fuq Ottubru tas-sena l-oħra.
Stħarriġ li l-Awtorità tax-Xandir ippubblikat illum juri li l-udjenza tal-RTK żdiedet minn 12,000 għal 14,000.  
Minbarra din l-udejnza, RTK qed jirreġistra 14,000 view kuljum mix-xandir viżwali fuq Facebook. RTK huwa l-ewwel stazzjon tar-radju f’Malta li mit-Tnejn sal-Ġimgħa jxandar sitt sigħat ta’ programmi kuljum fuq Facebook.
Skont l-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir din is-sena, żdiedu kemm l-udjenzi li jaraw it-TV kif ukoll l-udjenzi li jisimgħu r-radju. L-aktar stazzjon tar-radju li jisimgħuh nies huwa Bay Radio waqt li warajh hemm One Radio. Tal-ewwel huwa l-aktar popolari ma’ dawk ta’ taħt il-50 sena waqt li One Radio huwa l-aktar popolari ma’ dawk ta’ fuq il-50 sena.
L-aktar stazzjon tat-televiżjoni li jarawh nies huwa TVM. Ħafna anqas minnu hemm One TV u aktar ‘l isfel hemm Net TV. 
L-istazzjonijiet Maltin huma ħafna aktar popolari mal-udjenzi mill-istazzjonijiet barranin. Dawn tal-aħħar jarawhom xi terz tal-udjenzi biss. Dawk ta’ fuq il-50 sena jaraw l-aktar stazzjonijiet Maltin, waqt li dawk ta’ taħt il-50 sena jaraw l-aktar stazzjonijiet barranin.
L-udjenzi jaraw l-aktar televiżjoni mis-7.30pm sal-10pm. L-aħbarijiet ta’ Malta u ta’ barra huma l-aktar ġeneru ta’ programmi popolari mal-udjenzi. Warajhom fil-popolarità hemm id-drama, imbagħad il-programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti.
L-informazzjoni li fuqha huwa mibni l-istħarriġ inġabret tul Ottubru mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.