Il-President tilqa’ lis-Soċjetà Ċivili; Jitolbu r-riżenja mmedjata tal-Kummissarju u l-AĠ

Eluf ta' persuni ngħaqdu fil-Belt Valletta f'dimostrazzjoni nazzjonali li fiha spikkat il-bandiera Maltija. sfafar, ċapċiċ u għajjat.
Matul id-dimostrazzjoni tkellmu għadd ta' persuni li kollha sellmu lil Daphne Caruana Galizia bħala ġurnalista li ssagrifikat lilha nnifisiha għall-pajjiż u biex tarah ħieles mill-kriminalità u l-koruzzjoni.
Ħafna semmgħu leħinhom kontra l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux qed jaħdmu u spikkaw messaġġi biex jirreżenja l-Kummissarju tal-Pulizija.
Id-dimostrazzjoni ntemmet għand il-President ta' Malta, bis-Soċjetà Ċivili titlob minnufih għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali u biex dawn il-karigi jkunu eletti b'żewġ terzi tal-Parlament.
Ara hawn taħt id-dettalji ta' dak kollu li seħħ dalgħodu fil-Belt Valletta:
 

17:49: Il-President tiddeskrivi l-assassinju fuq Daphne Caruana Galizia bħala attakk fuq il-pajjiż kollu. Għalhekk appellat biex il-poplu jingħaqad u biex kulħadd jaħdem biex jissaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Appellat lill-partiti politiċi biex jingħaqdu bis-serjetà u jaħdmu favur id-demokrazija u jsaħħu l-istituzzjonijiet. Qalet li l-imħabba lejn il-pajjiż għandha tkun ikbar mill-imħabba lejn il-partit.

17:46: Is-Soċjetà Ċivili tippreżenta l-ittra (ara iżjed 'l isfel) lill-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca.
 

17:31: Il-mixja issa se tkompli sal-Palazz tal-President. Iżda qabel kulħadd sellem lil Malta bil-kant tal-Innu Malti.
 

17:27: Appella lill-Prim Ministru biex jilqa' dawn it-talbiet li se jsiru lill-President u saħaq li jekk dawn it-talbiet mhux se jintlaqgħu, allura "mhux se niefqu."
 

17:26: Is-Soċjetà Ċivili se tippreżenta ittra lill-President b'dawn it-talbiet:

  • Ir-riżenja minnufih tal-Kummissarju
  • Ir-riżenja minnufih tal-Avukat tal-Gvern
  • Il-Kummissarju u l-AĠ jinħatru b'żewġ terzi tal-Parlament.
  • Tuża l-awtorità morali tagħha biex toħroġ lill-pajjiż minn din il-kriżi.

Il-President laqgħet l-istedina tas-Soċjetà Ċivili u daħlet il-Belt biex tilqa' din l-ittra.
 

17:21: Imiss issa lil Michael Briguglio mis-Soċjetà Ċivili. Qal li d-dinja kollha taf bil-kriżi li għaddej minnha l-pajjiż. Qal li fil-pajjiż hawn surplus ta' ħasil ta' flus, korruzzjoni u kriminalità. Iddeskriva l-libertà f'Malta bħala waħda bla ruħ. Iddeskriva l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia bħala "qtil politiku," għax fi kliemu l-pajjiż ma ddefendix lil Daphne Caruana Galizia u lanqas lill-poplu. Iddeskriva l-pajjiż bħala: "Mafia State." Staqsa fejnhu l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.  Qal li l-uniku tama li teżisti huma l-Qrati imma nnota li l-Prim Ministru qed jinjora wkoll l-appelli tal-Prim Imħallef li dan l-aħħar tkellem ħafna fuq l-importanza tas-Saltna tad-Dritt.
 

17:12: Titkellem in-negozjanta Claudine Cassar.  Hija qalet li Daphne Caruana Galizia kienet avżat lill-pajjiż bis-sitwazzjoni li kien se jispiċċa fiha. Iddeskrivit lil Caruana Galizia bħala mara waħedha, armata biss b'laptop imma li ġġieldet dejjem il-korruzzjoni u l-iskandli. Saħqet li meta l-affarijiet ma jimxux sewwa, huwa l-poplu li jrid jitkellem. "Il-politiċi ma huma xejn mingħarjna…jekk ngħollu l-leħen tagħna se jkollhom jisimgħu." Iżda qalet li jekk il-poplu jibqa' ma jagħmel xejn allura jkun kompliċi. Saħqet li jekk il-pajjiż iħalli l-mewt ta' Daphne tgħaddi qisu xejn mhu xejn "allura aħna kompliċi." Lil dawk li qed jgħidu li jistħu li huma Maltin, qaltilthom li hi kburija li hi Maltija waqt li għamlet referenza għal dawk kollha li attendew din id-dimostrazzjoni. "Aħna Maltin u aħna jistħoqqilna aħjar," żiedet tgħid Cassar. 
 

17:00: Imiss issa lill-blogger Manuel Delia. Beda billi rringrazzja lill-qraba ta' Daphne Caruana Galizia li fi kliemu sellfu lil din il-ġurnalista lill-pajjiż biex tikxef il-verità. "Nixtieq inħares f'għajnejkom bla ma nibki…anke meta mititilkom Daphne, it-tgħajjir ma waqafx, anzi ħrax…minkejja dan, l-eżempju tagħhom ikaxkar." Saħaq li Daphna ma nqatlitx għax gidbet imma nqatlet għax waħedha kixfet "il-marda li nawret lil dan il-pajjiż." Delia kkwota l-aħħar vers li nislet Daphne Caruana Galizia u qal li "kull fejn tħares hawn il-kriminali…is-sitwazzjoni hija ta' disperazzjoni." Iżda saħaq li Caruana Galizia ma riedet qatt li dawk ikunu l-aħħar kliem tagħha. Qal li minjaf kemm kien għad fadlilha dnubiet ta' kriminali u politiċi x'tikxef. "Daphne qatt ma ħalliet id-disperazzjoni ssikkitha," saħaq Delia. Kompla jgħid li Daphne dejjem riedet tikxef il-verità "tal-gidba li fiha qed ngħixu." Qal li minkejja li n-nazzjon kien ingrat lejha, hi kienet tqis in-nazzjon bħala l-familja tagħha u dejjem riedet tagħmillu l-ġid. Temm jgħid li Daphne ħallitilna l-missjoni biex insalvaw lill-pajjiżna. Temm jindirizza lill-ulied Daphne, Matthew, Andrew u Paul. Qalilhom li l-pajjiż ħalla lil Daphne tiġġieled waħedha imma wiegħdhom li "l-ġlieda tagħha se tiħrax, it-terrur li tawna se nrodduhulhom b'mitt darba u se nħarsu f'għajnejhom sakemm nerġgħu nieħdu l-pajjiż mil-jasar tal-ħażen."
 

16:55: Jitkellem James Debono, ġurnalist. Filwaqt li faħħar l-impenn tal-Gvern bies issir ġustizzja, qal li l-pajjiż għandu bżonn fejqan u ma jistax jibqa' l-washing machine tal-flus tal-kriminali. Saħaq li l-pajjiż irid juri lill-kriminali li qatlu lil Daphne li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż għandhom is-snien u jgawdu l-fiduċja tan-nies. Qal li fl-aħħar xhur l-istituzzjonijiet fallew bl-ikrah lil Maltin u semma l-każ tal-Panama. Saħaq li biex l-istituzzjonijiet jissaħħu hemm bżonn li jirriżenjaw "ċertu persuni." Qal ukoll li jeħtieġ tispiċċa l-kultura tal-libelli biex "wieħed mingħalih jipprova l-innoċenza tiegħu." Temm id-diskors tiegħu bil-kliem: "Issa daqshekk."
 

16:47: It-tieni diskors: Christoph Deloire: Mill-għaqda internazzjonali Reporters Without Borders. Qal li l-Unjoni Ewropea hemm bżonn li tibqa' dejjem tipproteġi lill-ġurnalisti tagħha. Talab lill-Gvernijiet biex jieħdu azzjoni konketa biex jipproteġu lill-ġurnalisti u biex ikun hemm mekkaniżmu tan-Nazzjonijiet Magħquda biex il-ġurnalisti jkunu protetti kullimkien. 
 

 
16:42: Jibda l-ewwel diskors. Jitkellem Robert Napier, il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji. "Aħna mhux se nibżgħu," qal Napier f'isem l-istudenti kollha tal-Università. "L-ebda ostaklu mhu se jżommna milli nesprimu ruħna b'mod liberu." 

16:37: Il-Banner b'wiċċ il-Kummissarju jitweħħel mal-grada tal-Qorti u n-nies jgħajjtu: "Barra, barra!"
 

16:25: Quddiem nett jispikka l-banner bil-kliem ġustizzja. Mużika u ċapċip ma jaqtgħu xejn.
 

16:23: In-nies diġà bdew jaslu sa quddiem il-palk li jinsab armat biswit il-Qorti, filwaqt li oħrajn għadhom dieħla f'Bieb il-Belt.
 

16: 20: Jispikka wkoll banner kbir b'wiċċ il-Kummissarju tal-Pulizija bil-kliem: "No Change, No Justice."

 

16:16: Eluf ta' persuni jinġabru għall-protesta. Sfafar, bnadar ta' Malta u ċapċip jiddomina. 
 

15:58: Għadd kbir ta' persuni lesti biex minn hawn u ftit ieħor tibda d-dimostrazzjoni nazzjonali wara l-assassinju ta' DCG.

15:30: Waħda mill-għalliema qrat storja lit-tfal preżenti bit-tagħlima tkun waħda: "Fil-ħajja se niltaqgħu ma nies li jridu jwaqqfuna ngħidu l-istejjer jew se niltaqgħu ma' nies li jridu jikkontrollaw l-istejjer tagħna..imma aħna ma għandhiex inħalluhom."

15:15: Tfal, għalliema u ġenituri mxew flimkien mal-qraba ta' Daphne Caruana Galizia u poġġew fjuri fuq il-monument tal-Assedju fejn fl-aħħar jiem għadd ta' persuni sellmu lil Daphne Caruana Galizia.

 

15:00: Għadd ta' persuni diġà bdew jinġabru fid-daħla tal-Belt Valletta u bdiet l-ewwel mixja organizzata mill-Komunita tal-iskola ta’ San Anton

Ritratti: Ryan Bonello