RTK l-ewwel stazzjon f’Malta li tista’ tarah minbarra tisimgħu

Min-nhar it-Tnejn li għadda, RTK 103FM sar l-ewwel stazzjon tar-radju f'Malta li beda jxandar dirett b'mod regolari – sitt sigħat ta’ programmi kuljum, li minbarra li tismagħhom tista’ tarahom live fuq il-mowbajl, tablet jew il-kompjuter.
B’hekk, mal-bidu tal-iskeda ġdida li se twassal sa Diċembru, l-istazzjon beda wkoll avventura ġdida, kemm għat-tim ta’ RTK u Newsbook, kif ukoll għas-semmiegħa.
Il-programmi mxandra live fuq il-midja soċjali huma RTK Breakfast Club (6-9am), Insellimlek (3-4.30pm) u Follow Up (4.30-6pm).
Ron Briffa, il-vuċi li filgħodu tqajjem lis-semmiegħa bl-RTK Breakfast Club, qal li “dan hu l-mod ġdid ta' kif qed taħdem id-dinja tar-radju fl-isfera internazzjonali. B'hekk RTK qed jagħmel breakthrough billi jkun tal-ewwel b'dan l-avvanz fil-mod ta' kif jikkomunika mas-semmiegħa. Din hi esperjenza iktar sħiħa, kemm għalina kif ukoll għas-semmiegħa!
Il-preżentatriċi Sonia Young qalet kif, “Permezz ta’ dan il-live streaming qegħdin ċertament nilħqu firxa ħafna iktar wiesgħa ta’ nies ta’ kull età.  Il-limitazzjoni tar-radju f’dak li huwa viżwal tingħeleb b’dan il-mod ġdid ta’ kommunikazzjoni. Għalija l-ewwel programm kien ifisser taħlita ta’ emozzjonijiet – eċitament u entużjażmu liema bħalu, li jkolli ngħid qed jissarraf f’ħafna enerġija biex jitjieb il-kontenut tal-programm Insellimlek. Inħarsu ‘l quddiem b’enerġija pożittiva li minnha tgawdi żgur il-familja numeruża ta’ RTK”.
Minn naħa tagħha l-Editor-in-Chief  tal-istazzjon u l-preżentatriċi ta’ Follow Up Sylvana Debono qalet li dan huwa pass kbir: “Pass kbir għal dan l-istazzjon li permezz tiegħu wkoll qed jikkonsolida d-diversi ħiliet ta’ radju, televiżjoni, ġurnaliżmu u t-teknoloġija fi prodott wieħed, ġdid, frisk u innovattiv. Pass kbir għall-Knisja, li qed tafferma u ssaħħaħ l-impenn tagħha li tibqa’ tkun relevanti fil-ħajja taċ-ċittadini u taħdem dejjem b’risq il-ġid komuni. Pass kbir għall-midja f’Malta li permezz ta’ dan l-istazzjon, il-mediascape Malti qed jixref għetiebi ġodda ta’ xandir. Il-futur jibda hawn, jibda ma’ RTK”.
Il-preżentaturi ta’ RTK 103FM jistiednu lis-semmiegħa jingħaqdu magħhom kuljum fl-iskeda mimlija daqs bajda.
Għandek xi suġġerimenti dwar kif nistgħu ntejbu x-xandiriet tagħna? Ibgħatilna imejl fuq info@newsbook.com.mt