RTK bi programmi speċjali għall-Ġimgħa l-Kbira

Radju RTK qed joffri ġurnata ta' programmi speċjali għall-Ġimgħa l-Kbira, li tinkludi wkoll xandira diretta tal-funzjoni tas-salib.
Barra minn hekk Newsbook.com.mt qed ixandar iċ-ċelebrazzjonijiet ewlenin imħejjija mill-Knisja f’Malta
Dalgħodu xxandar Il-Ħaruf tal-Golgota – r-radju dramm oriġinali ta’ Lina Brockdorff. L-istess radju dramm se jerġa’ jinstema’ fit-8 tal-lejla u fil-11 ta’ għada filgħodu.
Bħalissa sat-3pm, qed tixxandar sensiela ta’ 10 programmi mżewqa b’mużika u salmi. Din tinkludi wkoll numru ta’ intervisti li l-Content Editor tal-istazzjon Sylvana DeBono għamlet ma’ Patri Twanny Chircop, il-Kummissarju tal-Art Imqaddsa. 
Barra minn hekk, f’11.45am u wara r-rużarju tas-7pm se jixxandru eżerċizzi spiritwali minn Dun John Avellino.
Fit-3.30pm, RTK jingħaqad mal-Konkatidral ta’ San Ġwann għal xandira diretta tal-funzjoni tas-salib immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna. Din il-funzjoni se tixxandar live wkoll fuq Newsbook.com.mt.
Mill-Belt Valletta, RTK se jmur ir-Rabat għal xandira diretta tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira minn Ta’ Ġieżu.
Wara l-purċissjoni, tingħad it-talba tar-rużarju, id-dramm Il-Ħaruf tal-Golgota u mbagħad il-programm minn Patri Karm Debattista b’mużika adattata għal dan il-jum.
Fl-10.30pm tingħad it-talba tar-rużarju li tiġi segwita minn mużika kwieta sa filgħodu.