RS2 Software se tinvesti €1 miljun f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ħabbar li l-kumpanija RS2 Software se tkun qed tinvesti mal-€1 miljun biex tiftaħ fergħa ġdida f’Għawdex.

Il-Ministru Refalo ħabbar dan waqt sensiela oħra mill-attivitajiet tal-“Gver li jisma’”.
Il-Ministru spjega li l-kumpanija mistennija tħaddem mal-50 persuna fuq perjodu ta’ tliet snin. Qal li hemm pjan biex sal-2020, il-ħaddiema jitilgħu għal 100. Il-kumpanija RS2 Software tipprovdi servizz fl-immaniġjar tas-sistemi ta’ cards finanzjarji u servizzi oħra fuq livell globali u bħalissa tħaddem 120 f’Malta li 20 minnhom huma mill-gżira Għawdxija.

Il-Ministru żvela sensiela ta’ inizjattivi innovattivi fosthom “Greener and Cleaner Gozo". Din hi inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Impjiegi,  u l-ETC. L-ewwel skema mmirata biex tattira lil min ma jaħdimx lejn  id-dinja tax-xogħol, għandha l-għan li jitnaddaf u jissebbaħ l-ambjent  Għawdxi.  Dawk il-persuni li m’għandhomx imjieg u dawk li kienu fuq ir-reġistru tal-qagħad tal-ETC sal-aħħar tal-2013 jistgħu jibbenefikaw minn żewġ għażliet.

Għażla minnhom hi li għal 5 xhur sħaħ jgħinu lill-Ministeru għal Għawdex fit-tindif ta’ spazji pubbliċi. Huma jkunu marbuta li jaħdmu 20 siegħa fil-ġimgħa bi ħlas ta’ €75 kull ġimgħa. It-tieni għażla hi li jaħdmu għal 5 xhur b’total ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa. Min jidħol f’din l-iskema jingħata €145 fil-ġimgħa.
Dr Anton Refalo spjega  kif dawk li huma bla xogħol, jew interessati li jibdew jaħdmu għal rashom jingħataw is-somma ta’ €1,000 fl-aħħar tas-sena 2014.

Dwar id-dar tal-anzjani f'Dar San Ġużepp qal li f'Mejju, il-Ministeru se jkollu permess mill-MEPA biex tinħareġ espressjoni ta' interess. Din id-dar mistennija toffri kenn għal 140 anzjan. 
Finalment, il-Ministru Refalo assigura li mhux se jsir ebda żvilupp fil-bajja ta' Ħondoq ir-Rummien.