“Roundabouts perikolużi għalina” – ċiklisti

Il-Grupp Favur iċ-Ċiklisti, jew kif inhu magħruf bħala l-Bicycle Advocacy Group (BAG), qal li kif qed ikunu diżinjati r-roundabouts qed ikunu ta’ periklu għaċ-ċiklisti u l-proġetti qed jiffukaw biss fuq l-użu tal-karozza privata.

Fi stqarrija l-BAG irrefera għal proġett ta’ Triq l-Imdina, f’Ħaż-Żebbuġ u qal li min qed jieħu ħsieb dawn il-proġetti mhux qed jifhem il-ħtiġijiet bażiċi taċ-ċiklisti u l-Grupp mhux qed ikun konsultat. Fil-fatt skont il-Grupp, l-uniku darba li kienu murija l-pjanti tal-proġett kien darba waqt diskussjoni tal-proġett tas-Central Link, liema pjanti kienu kważi finalizzati.

Il-proposta tal-BAG hija li r-roundabouts infushom ikunu provduti b’karreġġjati apposta fuq barra tar-roundabout li jistgħu jintużaw anke minn persuni li jkunu mexjin, kunċett li jintuża’ ħafna barra minn Malta b’toroq simili.

Il-BAG qed jinsisti li l-periti li jiddiżinjaw ir-roundabouts isuqu huma stess ir-rota biex ikunu jafu xi jfisser issuq rota waqt il-ħin tat-traffiku u irrimarka li d-diżinni ma humiex konformi mad-Dikjarazzjoni tal-Lussemburgu dwar iċ-ċikliżmu kif ukoll mad-Dikjarazzjoni Valletta li kienet iffirmata f’Malta waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea (UE).