Filmat: Rotta X300 għall-istudenti Għawdxin f’Malta

Read in English.

Il-Gvern nieda rotta ġdida tat-trasport pubbliku f’Malta biex tiffaċilita t-trasport għall-istudenti Għawdxin f’Malta hekk kif l-X300 se tgħaqqad it-terminal fiċ-Ċirkewwa mal-Università, il-Junior College u l-Belt Valletta.

L-iskeda għal din ir-rotta ġdida se tkun sinkronizzata mal-iskeda tal-vapur tal-Gozo Channel, u se topera biss fil-waqfiet taċ-Ċirkewwa, Skate Park (għall-Isptar Mater Dei u l-Università), Kulleġġ (għall-istudenti tal-Junior College) u t-Terminus tal-Belt Valletta. Il-vjaġġ minn tarf għall-ieħor se jieħu madwar siegħa.

Il-Gvern fi stqarrija qal li r-rotta se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-6.00am sa s-6.45pm minn Ottubru 2020, b’erba’ vetturi dedikati ta’ 12-il metru li ddaħħlu fis-servizz fl-2020, u li jinkludu Wi-Fi b’xejn u USB Charging Ports.

Din ir-rotta tnediet illum fix-Xatt tal-Imġarr mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg.

Fi stqarrija, il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) laqa’ din l-aħbar u qal li din saret wara bosta laqat u diskussjonijiet bejn l-għaqda studenteska u l-Gvern.

Inti se tużaha r-rotta X300?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt