Rota ta’ trakk tibgħat 2 persuni l-isptar

CMRU

Żewġ persuni ttieħdu l-isptar wara li ntlaqtu minn rota li nqalgħet minn trakk li kien qed jinstaq f’Ħaż-Żabbar.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-inċident seħħ fi Triq Wied il-Għajn f’Ħaż-Żabbar għat-3.15pm.

Dak il-ħin kien qed jinstaq trakk fit-triq. Rota nqalgħet minnu u laqtet lil żewġ persuni.

Iż-żewġ persuni huma żewġ żgħażagħ ta’ 17-il u 24 sena. It-tnejn huma minn Ħaż-Żabbar. Dik li għandha 17-il sena weġġgħet gravi filwaqt li l-persuna l-oħra weġġgħet ħafif. It-tnejn kienu ngħataw l-ewwel għajnuna fuq il-post minn tim mediku.

Il-Pulizija qed tkompli tinvestiga l-każ.