“ROTA qed tirrepeti allegazzjoni bla bażi” – Infrastructure Malta

Google Image

Read in English.

“Xi għaqdiet qed jirrepetu l-gidba li l-proġett propost minn Infrastructure Malta għal aktar sigurezza fil-Bypass tal-Imrieħel jinvolvi t-twessigħ ta’ din it-triq għal sitt korsiji”, sostniet l-aġenzija tal-gvern Infrastructure Malta bħala reazzjoni għal dak li sostniet l-NGO ROTA.

ROTA saħqet li Infrastructure Malta qiegħda tieħu vantaġġ mill-karreġġjata dedikata għaċ-ċiklisti biex tieħu iktar art u twessa’ t-toroq mingħajr tikkonsidra il-vera bżonnijiet taċ-ċiklisti.

F’infografika li ġiet ippreżentata mill-grupp ġie spjegat li m’hemmx bżonn li tittieħed iktar art biex it-triq tkun sigura. Spjegaw li l-infrastruttura tat-toroq għandha tkun waħda sigura u konvenjenti għaċ-ċiklisti u dak li ġie ippjanat minn Infrastructure Malta ma jilħaqx dawn il-miri.

Infarstructure Malta qalet li ROTA għal darb’oħra qed tirrepeti din l-allegazzjoni bla bażi. Infrastructure Malta, qalet li fl-ebda mument matul l-istadji tal-ippjanar ta’ dan il-proġett, ma kkonsidrat it-twessigħ tal-Bypass tal-Imrieħel għal sitt korsiji.

L-aġenzija nnotat li fl-istqarrija tagħha, ROTA tirrikonoxxi l-ħtieġa li tul din il-Bypass isir titjib fl-infrastruttura għall-mixi u r-roti, li huwa proprju wieħed miż-żewġ għanijiet li għalih qed jiġi propost dan il-proġett.

IM ikkonfermat wkoll li inizjalment, il-periti tal-aġenzija kienu kkunsidraw li jinkludu mogħdija għall-mixi u r-roti mifruda mit-triq tul il-karreġġjata lejn il-lvant (mill-Imrieħel lejn Ħal Qormi). Madankollu, wara li saru aktar studji, din il-proposta ġiet skartata minħabba li biex issir kienet tirrikjedi ċaqliq tas-central strip eżistenti u li jinqalgħu ħafna mis-siġar maturi li hemm matulha. Barra minn hekk, jirriżulta li din il-proposta xorta ma kinitx se twassal biex jonqos it-teħid tal-art meħtieġa għal din l-infrastruttura ġdida. Għaldaqstant, filwaqt li t-teħid tal-art kien jibqa’ l-istess, kien ikollhom jitneħħew aktar siġar. Din hija r-raġuni prinċipali għaliex qed ikun propost li l-korsija ġdida għar-roti u l-mixi ssir fuq in-naħa l-oħra tat-triq, sostniet Infrastructure Malta.

Fl-istqarrija tagħha, l-NGO ROTA nkludiet ukoll disinn li juri l-proposta tagħha bit-titlu “ri-allokazzjoni tal-ispazju”.

Infrastructure Malta qalet li għal darb’oħra, kif jikkonferma d-disinn innifsu, din il-proposta tinvolvi ċ-ċaqliq tas-central strip u l-qlugħ tas-siġar li hemm fiha. “Iżjed minn hekk, b’din il-proposta, l-għaqda mhux governattiva qed tissuġġerixxi li l-korsiji eżistenti f’din it-triq jidjiequ għal madwar 2.75 metru, li mhux adegwat għat-triq inkwistjoni”, kompliet tispjega l-aġenzija.

Ingħad li l-wisgħa tal-korsija ta’ 3.25 metru kif ikkwotata fid-disinn ta’ ROTA mhix korretta billi ma tinkludix spazju addizzjonali, sa nofs metru, fuq kull ġenb taż-żewġ karreġġjati, li huwa meħtieġ li jkun hemm f’disinn ta’ triq bħalma hi din bejn il-linja tat-tarf tal-korsija u l-kurduna tat-triq.

F’Diċembru li għadda r-residenti ta’ Ħal Qormi flimkien mal-bdiewa u l-Moviment Graffitti żvelaw li Infrastructure Malta qiegħda tippjana li tibni flyover fuq art agrikola, bil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi jgħaddi mozzjoni biex jipproteġi din l-art.

L-aġenzija qalet li ll-proġett ippjanat, li għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar, jinkludi l-bini ta’ flyover f’salib it-toroq bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju. B’hekk titneħħa l-kisra kerha fejn bħalissa l-karozzi jkollhom jaqsmu żewġ korsiji b’karozzi oħra ġejjin minn faċċata biex jaslu l-Imrieħel minn Triq in-Negozju.

Dan il-proġett għal aktar sigurezza fil-Bypass tal-Imrieħel jinsab speċifikat fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport ta’ Malta tal-2025.