Ronaldo ma’ liema tim x’aktarx se jingħaqad?

F’dan l-aħħar żmien il-plejer Portugiż Cristiano Ronaldo kien pedina importanti fit-tim Taljan tal-Juventus meta bis-saħħa tiegħu l-klabb rebaħ bosta logħbiet li wasslu biex it-tim spiċċa fil-quċċata tal-klassifika tas-Serie A. Iżda issa jidher li hemm xamma li l-plejer jista’ jispiċċa jilgħab fi Franza.

Nasser Al-Khelaifi, il-president ta’ Paris Saint-Germain, ta x’jifhem li Cristiano Ronaldo, li għandu 35 sena, jista’ jkun li jittajjar lejn Franza. Huwa kellu ħafna tifħir għar-rebbieħ tal-ħames darbiet tal-Ballun tad-Deheb bħala l-aqwa plejer tal-futbol.

Huwa qal li “Sena wara sena, Cristiano qed juri determinazzjoni unika u wkoll saħħa ta’ karattru straordinarja. Kompla jgħid li “il-plejer jibqa’ motivat mix-xewqa li jtejjeb kuljum il-logħob tiegħu. Nammira din ir-rieda bla waqfien tal-plejer għax huwa eżempju tajjeb għall-atleti kollha tal-futur.”

Ta’ min ifakkar li Cristiano Ronaldo kien diġà assoċjat qabel ma’ Paris Saint-Germain u issa din id-dikjarazzjoni mill-president tat-tim Franċiż tista’ tittieħed bħala indikazzjoni li ċ-champions tal-Ligue 1 Franċiż għadhom qed isegwu l-karriera tal-Portugiż.

Tgħid dalwaqt nisimgħu b’xi pass ġdid minn Cristiano Ronaldo?