Ronaldo jitkeċċa fir-rebħa ta’ Juventus kontra Valencia

Juventus ħarġu rebbieħa fl-ewwel logħba tagħhom fil-UEFA Champions League grazzi għal żewġ gowl tal-midfielder Miralem Pjanic. L-eks plejer ta’ Roma skurja penalty f’kull taqsima sabiex it-tim Taljan kiseb tliet punti importanti fi Grupp Ħ.

Għal darb’oħra għajnejn il-partitarji juventini kienu fuq Cristiano Ronaldo iżda l-attakkant Portugiż ma kienx deċisiv hekk kif tkeċċa wara 30 minuta logħob. Ronaldo deher jiġbed xahar id-difensur Jeison Murillo wara li ż-żewġ plejers ħabtu ma’ xulxin fil-kaxxa ż-żgħira.

Ronaldo mistenni jiġi sospiż għal żewġ logħbiet u b’hekk mhux ser ikun jista’ jilgħab kontra l-eks tim tiegħu, Manchester United, fit-23 t’Ottubru.