Romina Power f’remake ta’ film li kien ħadem missierha

Romina Power ma' Guillermo del Toro. Ritratt: Instagram/RominaPower

Il-kantanta Romina Power, li f’Mejju li ġej se tkun f’pajjiżna biex tagħti kunċert flimkien ma’ Al Bano, tinsab impenjata wkoll fuq is-sett tal-film Nightmare Alley tad-direttur Guillermo del Toro. F’dan il-film se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom fil-partijiet prinċipali bosta atturi magħrufa li jinkludu lil Bradley Cooper, Cate Blanchett, Toni Collette, Willem Dafoe, Richard Jenkins, Ron Perlman, Rooney Mara, u David Strathairn.

Il-ġbid tal-film qed isir fil-Kanada u huwa remake tal-film tal-1947 li kien iġib l-istess isem u li kellu bħala protagonist lil Tyrone Power, missier il-kantanta Romina Power.

Romina Power f’xena mill-film Nightmare Alley. Ritratt: Instagram/RominaPower

Is-sehem ta’ Romina Power f’dan il-film se tkun parti żgħira iżda permezz tagħha se ssellem il-memorja ta’ missierha.

Joan Blondell u Tyrone Power fil-film oriġinali ta’ Nightmare Alley fl-1947

Romina Power mhux l-ewwel darba li ħadmet fil-films bl-ewwel esperjenzi tagħha li jmorru lura fis-Snin 60 meta ħadmet f’films bħal Menage Italian Style, Come Imparai ad amare le Donne, u aktar il-quddiem b’Angeli Senza Paradiso, Champagne in Paradiso, il-minisensiela The Return of Sandakon, kif ukoll Il Segreto di Italia, film tal-2014 li kien ukoll l-aħħar wieħed li hija ħadmet s’issa.