Roma jwettqu l-ewwel akkwist tagħhom

Id-difensur ta' 30 sena Ivan Marcano ngħaqad ma’ Roma wara li ntemmlu l-kuntratt ma’ Porto.
Hu ffirma ftehim ta’ tliet snin sa Ġunju 2021, biċ-ċans li jġedded l-avventura tiegħu fil-kapitali Taljana b’sena oħra.
Marcano lagħab 150 darba għal Porto fuq medda ta’ erba’ snin u rebaħ il-kampjonat Portugiż fl-aħħar staġun tiegħu.
Hu beda l-karriera ma’ Racing Santander iżda mbagħad kellu esperjenzi oħra ma’ Villareal u Getafe fi Spanja, Olympiacos fil-Greċja u Rubin Kazan fir-Russja. Id-Direttur Sportiv Monchi saħaq dwar l-importanza ta’ dan l-akkwist hekk kif il-plejer Spanjol ħa jżid l-esperjenza fit-tim ta’ Eusebio Di Francesco.