Roħs fil-prezzijiet tal-fjuwils f’April li ġej

Il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi qal li f’April li ġej se jitħabbar roħs fil-prezzijiet tal-enerġija.
Qal li dan ir-roħs se jsir f’April hekk kif jintemm ftehim tal-hedging. Il-Ministru ma żvelax kemm se jkun dan ir-roħs biex ma jippreġudikax il-kompetittività tal-Enemalta iżda enfasizza li l-Gvern mhux se jbiddel id-deċiżjoni li jkompli jagħmel ftehim ta’ hedging biex ikun hawn stabbilità fil-prezzijiet.
Dwar il-prezzijiet tal-fjuwils, Konrad Mizzi qal li l-prezzijiet traħħsu għaxar darbiet taħt din il-leġiżlatura u sostna li l-konsumaturi ffrankaw mal-4 ċenteżmi fuq il-petrol meta mqabbel mal-prezzijiet medji fl-Unjoni Eworpea.
Il-Ministru għall-Enerġija ħabbar ukoll li minn Marzu, l-Enemalta se tibda tħallas mal-€5.4 miljun dovuti lill-konsumaturi li qed jiġġeneraw l-enerġija permezz tal-pannelli fotovoltajiċi.
Konrad Mizzi qal li b’din il-miżuri se jibbenefikaw mas-17,000 familja li se jirċievu pagament dirett fil-kont bankarju u se jiġu nfurmati b’SMS.  

Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sostna li d-dikjarazzjoni tal-Ministru Konrad Mizzi, li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel se jorħsu 10 ġimgħat oħra tfisser li l-familji Maltin u Għawdxin għandhom minn tal-anqas 10 ġimgħat oħra jinsterqu kull darba li jmorru jixtru l-fjuwils.