Roderick Galdes iwiegħed aktar komunikazzjoni regolari lis-sajjieda

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd u l-Biedja Roderick Galdes wiegħed komunikazzjoni regolari mas-sajjieda.

Waqt il-laqgħa annwali tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, fil-jum tas-Sibt, Galdes saħaq li f’dan is-settur, hemm ftit li xejn post għal manuvri, hekk kif dan is-settur hu regolat mill-Unjoni Ewropea. Madanakollu, s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes żied jgħid li hu mistenni li jipparteċipa f’numru ta’ laqgħat fi Brussell.

Roderick Galdes saħansitra rrefera għall-pixkerija l-ġdida li qed tinbena ħdejn il-Biċċerija fil-Marsa. Filwaqt li ntqal li l-post il-ġdid hu ‘l bogħod mill-baħar, dan ma jistax jinbidel għax inkella jkun ifisser li jintilfu xi fondi mill-Unjoni Ewropea. Galdes żied jgħid ukoll li d-deċizzjonijiet li se jittieħdu f’dan is-settur se jkunu qed jittieħdu f’konsultazzjoni mas-sajjieda.