RockAstra jirritorna f’Għawdex fil-jiem li ġejjin

RockAstra, wieħed mill-attivitajiet ewlenin tal-kalendarju mużikali ta’ Għawdex, se jirritorna nhar il-Ġimgħa 8 ta' Ġunju. Dan l-avveniment huwa organizzat mis-Soċjetà Filarmonika La Stella bis-sehem tal-Banda Cittadina La Stella taħt it-tmexxija tas-Surmast Sigmund Mifsud.
RockAstra ta’ din is-sena ser jkollha s-sehem tal-aqwa talent lokali fosthom Chris Grech, Ludwig Galea, Remy Azzopardi, Mikaela u Gabriella Azzopardi. Il-kor Piccole Stelle, ta’ l-istess Teatru Astra, immexxi minn Sylvana Cini, ser jkun qed jipparteċipa waqt xi siltiet.
Fost il-biċċiet mużikali ser jkun hemm dawk mir-repertorju ta’ Pink Floyd,Beatles, Andrew Lloyd Webber, Freddie Mercury, John Lenon u Bon Jovi, fost l-oħrajn. Din l-għażla ta’ mużika fost ser iġġedded il-memorja tal-produzzjonijiet tal-musicals li saru dan l-aħħar tlett snin ġewwa t-Teatru Astra, bl-aktar wieħed riċenti jkun Jesus Christ Super Star. 
Dan il-kunċert li d-dħul tiegħu hu mingħajr ħlas, qed isir fil-kuntest tal-festi ta’ Jum il-Belt Victoria organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, u hu parti mill-programm ta’ attivitajiet ta’ Valletta 18 – Belt Kapitali tal-Kultura.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq www.lastella.com.mt  
Il-kunċert jibda fid-9.00pm.