Roberta Metsola eletta Viċi President tal-Parlament Ewropew

Il-Membru Parlamentari Ewropea Maltija Roberta Metsola ġiet eletta minn fost l-MEPs tal-partiti kollha bħala l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew. Hija l-ewwel Maltija li qed tokkupa dan l-irwol li huwa fost l-ogħla pożizzjoni fil-Parlament Ewropew.

Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli ħabbar li hija qed tiġi eletta b’akklamazzjoni hekk kif l-irkwol ma kienx ikkontestat minn MEP ieħor u lanqas kien hemm talba għal vot sigriet.

Hija ġiet innominata mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew biex tieħu post l-eks Membru Parlamentari Irlandiża Mairead McGuinness li ħadet postha bħala Kummissarju Ewropew.

Fl-ewwel kummenti tagħha wara l-elezzjoni, Roberta Metsola qalet li huwa unur li ġiet eletta bħala l-Ewwel Viċi President. Hija qalet li se tkompli tkun vuċi b’saħħitha għaċ-ċittadini Ewropej u għal Malta u se tkompli naħdem biex tibni pontijiet bejn il-qasma politika.

F’kumment ma’ Newsbook.com.mt qabel l-elezzjoni, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Dr Mario Sammut qal li din mhux biss hija pożizzjoni ta’ prestiġju għal Malta iżda qal li flimkien ma’ David Casa bħala membru fil-Bureau tat-tmexxija tal-Parlament se jkunu jistgħu jinfluwenzaw aktar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Malta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech feraħ lil Metsola u fuq Facebook qal li din il-ħatra tikkonferma wkoll ir-rispett li jgawdu l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista.

Il-ħatra ta’ Roberta Metsola bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew hija rikonoxximent tax-xogħol importanti li ilha…

Posted by Bernard Grech on Thursday, November 12, 2020

L-Ewroparlamentari David Casa feraħ lil Metsola u qal li kburi għaliex b’din il-ħatra flimkien magħha jista’ jkompli jaħdmu għal Malta fit-tmexxija tal-Parlament.

Għal darb'oħra, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista 🇲🇹 qed nagħmlu ġieħ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha fil-Parlament…

Posted by David Casa on Thursday, November 12, 2020

Newsbook.com.mt bagħat lill-erba’ MEPs Laburisti għall-kummenti tagħhom iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ħadd minnhom ma bagħat il-kummenti tiegħu.

Bijografija

Roberta Metsola ġiet eletta għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew fl-2013. Hija ġiet eletta mill-ġdid fl-2014 u fl-2019. Qabel dan kienet avukata, speċjalizzata fil-liġi u l-politika Ewropea.

Bejn l-2004 u l-2012, is-Sinjura Metsola ħadmet fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-UE. Wara dan, hija ngħaqdet mat-tim tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, bħala konsulent legali.

Fil-Parlament Ewropew, is-Sinjura Metsola hija l-Koordinatur tal-Grupp PPE fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, u tmexxi d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-grupp tal-PPE. Hija wkoll il-kopresident tal-Intergrupp tal-PE Kontra l-Korruzzjoni.

Metsola twieldet fl-1979, hija miżżewġa u hija omm ta’ erba’ subien. Hija ggradwat mill-Università ta’ Malta u mill-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges.