Awdjo: Roberta Metsola b’appell għall-pajjiżi li ma laqgħux immigranti

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola appellat lil dawk il-pajjiżi li sa issa ma laqgħux immigranti f’darhom sabiex jagħrfu l-valuri Kristjani li jagħmluna aħwa u joffru l-għajnuna tagħhom.
Dan qalitu fl-isfond tas-summit informali f’Malta dwar il-migrazzjoni u l-futur tal-Ewropa.
Ma’ Newsbook.com.mt, Metsola esprimiet it-tħassib tagħha għal kif il-valuri Ewropej qed jiġu attakkati u injorati mill-mexxejja internazzjonali, b’referenza għal Donald Trump.
Irrimarkat li bħalissa l-għajnejn dinjija kollha jinsabu fuq Malta, u fuq x’tip ta’ soluzzjonijiet se jiġu offruti fil-jiem li ġejjin dwar migranti li ilhom is-snin jiġu eżaminati mill-Unjoni Ewropea u huma eliġibbli għall-protezzjoni.
Is-sejħa speċifika tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista
Is-sejħa tagħha marret għal dawk il-prim ministri li jinsabu Malta bħalissa, li bil-politika tagħhom għadhom ma ħadu ebda immigrant eliġibbli għall-protezzjoni f’darhom.
Aċċennat għall-fatt li Malta dejjem għenet u laħqet il-kwota ta’ kemm aċċettat persuni kif stabbilita min-Nazzjonijiet Magħquda, kif ukoll li ffirmat il-Konvenzjonijiet Internazzjonali għar-Refuġjati.
Dan il-kumment segwa appell internazzjonali ta’ Metsola flimkien mal-eks Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, u kap tal-International Rescue Committee David Miliband. Huma talbu lill-Ewropa sabiex tintervjeni wara li l-Istati Uniti rriffjutat li taċċetta refuġjati eliġibbli għall-protezzjoni.