Robert Arrigo bil-botti għal Delia, Agius u Puli

Skont sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista ma’ Newsbook.com.mt għamlu riferenza għall-kitba fuq Facebook tal-membru parlamentari Nazzjonalista Robert Arrigo  li mal-ewwel daqqa jidher li nkitbet kif juri kemm hu kuntent li Edwin Vassallo se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap tal-Affarijiet Parlamentari. Huma qalulna li jidher ċar li f’din il-kitba qed issir kritika fina u riferenzi għall-Kap tal-Partit, Adrian Delia, u għall-Membri Parlamentari David Agius u Clyde Puli.
Fuq Facebook, Arrigo kiteb li hemm ħafna “wċuh” li jridu jidhru wara l-Kap billi jippużaw għar-ritratti. Iżda huwa sostna li l-kariga ta’ Viċi Kap mhix dwar ritratti iżda dwar il-kisba tas-suċċess. Arrigo qal li bil-ħila tiegħu u mhux bl-għajnuna ta’ ħaddieħor huwa għamel dan is-suċċess fil-politika, fl-isport, fil-kummerċ u fl-ideat.
Botta għal Agius u Puli
Din hija riferenza ċara għar-ritratt ta’ Delia ma’ Agius u Puli li akkumpanjaw lil Delia waqt iż-żjara li għamel lill-Prim Ministru Muscat. Dan, kif diġa irrapporta Newsbook.com.mt qajjem rabja fost ħafna membri parlamentari Nazzjonalisti għax l-attivita tat  l-impressjoni li dawn huma l-kandidati favoriti ta’ Delia għall-karigi ta’ Viċi Kapijiet.
Botti għal Delia
“Ħadd ma għandu jkun eskluż,” qal Arrigo. “Aktar ma jkun hemm kandidati aktar aħjar.” Huwa żied jgħid li ħadd ma għandu jipprova jikkonvinċi lil ħadd biex ma joħroġx.
Is-sorsi tagħna qalulna li din hija riferenza ċara għat-tentattiv ta’ Delia biex jipperswadi lil Arrigo ħalli ma joħroġx għall-kariga ta’ viċi kap iżda jaċċetta li jieħu responsabbilta tal-finanzi tal-partit. Riferenza oħra għal Delia hija l-enfasi li għamel Arrigo li huwa ma jridx jieħu paga “għax il-flus għandhom jintużaw għall-impjegati tal-partit.”
“Jien se nagħti u mhux nieħu lill-partit,” kiteb Arrigo.
Diversi media kienu irrappurtaw li Adrian Delia qed jikkunsidra jieħu paga bħala Kap tal-PN, għall-kuntrarju ta’ dak li kien jagħmel l-eks-Kap Simon Busuttil.
Arrigo temm il-post tiegħu fuq Facebook billi xtaq lil kullħadd il-weekend it-tajjeb.