Robert Abela verżjoni oħra “tal-aktar mexxej korrott għall-2019” – PN

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li Robert Abela huwa verżjoni oħra ta’ Joseph Muscat “li ġie deskritt bħala l-aktar mexxej korrot tal-2019.”

Propju fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu, it-tesserati tal-Partit Laburista eleġġew il-mexxej il-ġdid tagħhom, Robert Abela, li rnexxielu jgħeleb lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Fi stqarrija, il-PN qal li minkejja li ġie elett mexxej ġdid tal-Partit Laburista “jidher ċar li xejn mhu se jinbidel fil-Gvern Laburista.”

Il-PN qal li kien Abela stess li qal li llum se jkun jum is-serħan il-moħħ, iżda l-PN sostna li “taħt Gvern Laburista, li hu parti minnu, qatt ma jkun serħan il-moħħ.”

Il-partit irrefera għall-ewwel diskors ta’ Abela bħala mexxej u qal li kien “prattikament fotokopja tan-narrattiva tas-soltu tal-eks-mexxej Laburista Joseph Muscat.” Il-PN qal li d-diskors ta’ Abela kien nieqes mis-sustanza għax naqas milli jsemmi l-pjanijiet tiegħu għat-tibdil reali li jeħtieġ fil-Gvern.

Irrimarka li f’inqas minn 24 siegħa, Abela kiser wegħda minn tiegħu u minflok ikkundanna l-aġir tal-eqreb ħbieb ta’ Muscat bħall-eks Ministru Konrad Mizzi, “deher jgħannqu u jifraħ bih”. Il-PN sostna li din hija prova li Abela ma tgħallimx mill-iżbalji ta’ Muscat.

Il-partit temm jgħid li jekk Abela jrid ikun kredibbli mela għandu jibda billi jkeċċi lil Mizzi u jneħħi minnufih lill-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kap taċ-Ċivil li “ħallew l-amministrazzjoni u l-istituzzjonijiet jispiċċaw għodda politika a’ Joseph Muscat u sħabu Keith Schembri u Konrad Mizzi.”

Fid-diskors tiegħu tar-rebħa, Abela qal fost l-oħrajn li ma jridx nisma’ iktar “bin-nies ta’ Chris u bin-nies ta’ Robert” għax huma lkoll tfal tal-Partit. Hu kompla billi rringrazzja lil Fearne u qal li dan kien biss il-bidu tal-ħidma li huma jridu jagħmlu flimkien għal Malta. Qal li se jkun qed ikompli l-proġett ta’ Muscat “ħaj u b’saħħtu”. Insista li mhux se jgħalaq għajnejh għall-iżbalji iżda qal ukoll li l-aqwa żmien “fadallu għaddej u għad irid jiġi”.

Intant, l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin (MDA) ferħet lil Abela tar-rebħa tiegħu li wasslitu għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista u li aktar tard illum se jkun qed jinħatar Prim Ministru ta’ Malta. L-MDA awgurat li l-Prim Ministru immedjatament jieħu fuqu nniffsu l-isfida li jinnormalizza s-sitwazzjoni politika f’Malta sabiex jassigura li r-reputazzjoni u l-ekonomija tal-pajjiż ma jiġu imtappna aktar.