Robert Abela qed jipproteġi lil xi ħadd? – Cassola

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola staqsa jekk il-Prim Ministru Robert Abela hux qed jipproteġi lil xi ħadd meta jgħid li mhux se jħalli li l-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tingħata estenzjoni oħra.

Fi stqarrija dalgħodu, Cassola semma kif ilbieraħ, Abela aċċetta estenzjoni ta’ darba għall-inkjesta pubblika li se tippermetti li din tintemm sal-15 ta’ Diċembru. Hu staqsa: “Min jaħseb li hu Robert Abela?” Staqsa wkoll jekk il-PM ma rrealizzax li kien hemm xhur sħaħ li ntilfu minħabba l-pandemija. Sostna li huwa rrelevanti jekk intilifx żmien jew le, iżda li hu importanti huwa li tinħareġ il-verita kollha.

Cassola rrimarka li hemm bżonn li toħroġ il-verita kollha dwar min ipproteġa lil min u min organizza l-assassinju. Insista li lanqas jekk l-inkjesta tieħu sentejn biex tasal fi tmiemha, Abela mhux fil-pożizzjoni li jiddetta t-termini tagħha. Qal li l-inkjesta għandha tieħu l-perjodu neċessarju tagħha biex toħorġ il-verita b’mod sħiħ.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru qal li huwa ntalab jestendi t-terminu tal-inkjesta ġimgħa wara li skada t-terminu. Qal li permezz tal-estensjoni li ta jaħseb li hemm żmien biżżejjed biex titressaq ix-xhieda rilevanti. Spjega li huwa ddeċieda li jestendi dan it-terminu għal darba waħda biss. Fis-seduta tal-ġimgħa li għaddiet sar magħruf li l-Inkjesta Pubblika kellha l-mandat tagħha estiż sal-15 ta’ Diċembru.

F’kummenti lill-ġurnalisti wara laqgħa man-negozjanti fil-Belt Valletta, il-PM qal li jaħseb li hemm żmien biżżejjed biex titressaq ix-xhieda kolla “rilevanti”. Il-PM fisser li kif kien ġie mgħallem fl-Università mill-membri tal-bord tal-Inkjesta Pubblika stess, irid jiġi aċċertat li x-xhieda kollha li titressaq tkun rilevanti u mmeritat fil-każ.

Intant min-naħa tagħha, l-għaqda Repubblika qalet li l-estensjoni ta’ darba għall-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hija skandaluża, bla bżonn u mhux fl-interess tal-ġustizzja.