Robert Abela mhux f’pożizzjoni li jiddeċiedi fuq l-inkjesta pubblika – Cassola

Prime Minister Robert Abela addresses a press conference

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li l-Prim Ministru Robert Abela mhuwiex f’pożizzjoni li jiddeċiedi dwar l-inkjesta pubblika li għaddejja fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, Prof. Cassola elenka tliet raġunijiet ewlenin għaliex il-Prim Ministru m’għandux jindaħal fl-inkjesta pubblika. Abela qed jipprova jiżgura li l-inkjesta pubblika tintemm f’temp ta’ sitt ġimgħat.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, huwa kemm-il darba qal li l-kunċett ta’ inkjesta pubblika ma jogħġbux għaliex dan ifisser li l-istituzzjonijiet ma jkunux qed jaħdmu. Insista fuq il-ħtieġa li l-inkjesta tintemm kemm jista’ jkun malajr, u taha żmien sa Diċembru.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qabel miegħu li l-inkjesta m’għandhiex tiddewwem.

Il-punti li ressaq Cassola huma li:

  • L-inkjesta qed tinvestiga r-responsabbiltà li għandu l-Gvern talli ma pproteġiex lill-ġurnalista; b’hekk Abela hu wieħed mill-ogħla rappreżentanti tal-Gvern li qed jiġi investigat
  • Wieħed mill-persuni taħt skrutinju fl-inkjesta hu l-eks PM Joseph Muscat, li Abela kien konsulent legali tiegħu
  • Abela kien l-avukat personali tal-aħwa Agius, magħrufin bħala Ta’ Maksar, suspettati li kienu huma li ħolqu l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Għaldaqstant, il-kandidat indipendenti kkonkluda li Abela mhux f’pożizzjoni li jinterferixxi f’din l-inkjesta. Jekk jipprova jagħmel dan, hu jkun qed jipprova jipproteġi lill-eks imgħallem tiegħu Joseph Muscat, temm jgħid Cassola.

Abela mhux f’pożizzjoni li jiddeċiedi fuq il-maħfra tal-Koħħu – ADPD

Il-partit politiku ADPD ukoll jidhirlu li l-Prim Ministru mhux f’pożizzjoni li jinterferixxi fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista, b’mod partikolari fil-maħfra presidenzjali li qed jitlob Vince Muscat il-Koħħu, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil.

Dan minħabba li Abela kien l-avukat tal-aħwa Ta’ Maksar, li kien il-Koħħu li qal lill-pulizija li huma għamlu l-bomba.

Ilbieraħ, The Sunday Times żvelat li Abela qed jikkunsidra li jastjeni jekk jasal għall-punt li jkollu jiddeċiedi fuq din il-maħfra. F’dan l-istadju, iżda, huwa ma jarax raġuni għaliex għandu jagħmel dan. Hu kien jirrappreżenta lil dawn l-aħwa bejn l-2012 u l-2016.

Iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo sejjaħ lil Abela “l-avukat tal-kriminalità organizzata ta’ Malta” u qal li għal din ir-raġuni mhuwiex f’pożizzjoni li jieħu deċiżjonijiet fuq maħfriet. Il-partit semma kif il-futur ta’ dawn l-aħwa potenzjalment jinsab f’idejn l-eks avukati tagħhom, u li dan juri “l-influwenza kbira li l-kriminalità organizzata Maltija tista’ potenzjalment teżerċita fuq is-sistema politika u ġudizzjarja Maltija.”

Cacopardo żied jgħid li, “Il-Prim Ministru għandu d-dmir li jiżgura li l-proċess legali ma jkunx imtappan minn xi forma ta’ kunflitt ta’ interess maħluqa mill-ħajja preċedenti tiegħu bħala avukat prattikanti tal-kriminalità organizzata Maltija. Deċiżjoni dwar maħfra biex tinkixef aktar evidenza li tista’ twassal biex aktar nies jagħtu rendikont tal-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia m’għandhiex għalhekk titħalla f’idejn Robert Abela.”

Il-partit appella li jsiru riformi legali immedjatement u b’mod urġenti, sabiex deċiżjonijiet bħal dawn ikunu jistgħu jittieħdu minn prosekutur speċjali appuntat minn fost il-ġudikanti Maltin.