Robert Abela jaċċetta r-riżenja ta’ Caruana

Aġġornat 10:00 PM

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li aċċetta r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex.

Grazzi…”

Fl-ewwel intervent tiegħu fil-Parlament it-Tnejn filgħodu, il-Prim Ministru stqarr li rċieva ittra minn Justyne Caruana aktar kmieni. Huwa rringrazzjaha tal-ħidma tagħha b’risq Għawdex u l-Għawdxin, għall-ħidma tagħha għall-anzjani u persuni b’diżabilità, u “għall-ħidma kbira tagħha bħala MP b’risq il-poplu Malti u Għawdxi kollu”. Caruana se tibqa’ Membru Parlamentari.

“Jien kont estrana għall-fatti” – Justyne Caruana

Fl-ittra li Dr Justyne Caruana bagħtet lil Prim Ministru, hi saħqet li, “fid-dawl tal-istorja li ħarġet illum, għalkemm jien totalment estrana għaliha u għalkemm m’għandi l-ebda konnessjoni mal-fatti, qed nissottometti r-riżenja tiegħi minn Ministru b’mod immedjat”. Justyne Caruana sostniet li “dejjem qdejt fedelmemt u b’dedikazzjoni assoluta l-inkarigu fdat lili u dejjem imxejt b’rettezza u korettezza, u allura nitlob li nkun nista’ niddefendi ismi minħabba wliedi”.

Il-Prim Ministru tenna li, permezz tal-ħidma ta’ Dr Caruana, kienu ħafna dawk il-familji u individwi li bbenfikaw frott id-deċiżjonijiet tagħha.

Mistoqsijiet mill-Oppożizzjoni

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Prim Ministru jekk kienx jaf b’dak li ħareġ dwar ir-raġel ta’ Justyne Caruana u n-negozjant Yorgen Fenech, li hu akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Staqsa wkoll jekk kinitx taf bih il-Ministru, min se jieħu r-responsabbiltà u kemm kienu ilhom jafu.

Justyne ħarġitu ta’ tifel lil Delia – Ministru għall-Intern

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li l-Ministru Caruana “ġabitu żero lil Mr Soho” (b’referenza għal Adrian Delia).

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Camilleri ddeskriva lil Caruana bħala mara fuq in-nisa u għamlet att ta’ mħabba lejn il-Parlament. Huwa qal li Caruana qed iġġorr responsabiltà li mhix tagħha u l-Kap tal-Oppożizzjoni hu l-inqas wieħed f’Parlament sħiħ li jista’ jitkellem dwar dan peress li għad hemm dubji dwar jekk hux involut fil-ħasil tal-flus.

“Il-ġurnata t-tajba” – Refalo

Waqt li tikber l-istennija għal min se jkun dak li jieħu post Caruana bħala Ministru għal Għawdex, bosta qed jispekulaw li dan se jkun l-eks Ministru Anton Refalo, li bħalissa huwa Chairperson ta’ Heritage Malta. Refalo kien Ministru għal Għawdex fil-leġiżlatura ta’ bejn l-2013 u l-2017.

Refalo kien qed jistenna li jkun parti mill-Kabinett il-ġdid. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li kkontesta l-elezzjoni għal Mexxej tal-Partit Laburista kontra Robert Abela kien qal li Refalo jkun parti mill-Kabinett tiegħu. Dakinhar taċ-ċerimonja tal-ħatra tal-Kabinett, Refalo stqarr li fiċ-ċirkostanzi mhux dejjem se jkun possibbli għalih li jsarraf l-appoġġ ġenwin tal-kostitwenti tiegħu tat-13-il distrett, f’ħidma għalihom u għall-familji tagħhom.

Illum, huwa xerred ritratt tiegħu jitbissem fuq Facebook u awgura l-ġurnata t-tajba lil kulħadd.

Good morning from Gozo! Have a nice day, and a good week!

Posted by Anton Refalo on Sunday, January 19, 2020