2021 se tkun ‘waħda mill-aqwa snin’ għal Malta, skont Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela bassar li din is-sena se tkun “waħda mill-aqwa snin li qatt kellu pajjiżna” f’intervista li għamel fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista One Radio.

Abela reġa’ nsista li Malta għandha terġa lura għal “business as usual” sa Mejju li ġej bl-għajnuna tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Skont il-Prim Ministru, l-ekonomija għandha tirpilja sew sa Marzu, xahrejn oħra.

Biex jiġri dan, Abela qal li jkun kruċjali li jitlaqqmu n-nies kemm jista’ jkun malajr.

Abela nsista li Malta għaddiet mill-aktar perjodu diffiċli minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija matul is-sena 2020, iżda qal ukoll li s-sena fejn hu sar Prim Ministru ġiet immarkata fl-istorja politika ta’ Malta lilhinn mill-pandemija tal-Covid-19.

Qal li l-gvern tiegħu irnexxielu jistabilizza s-sitwazzjoni politika fi ftit ħin wara li ħa post Joseph Muscat, li rriżenja wara sensiela ta’ protesti nazzjonali, u li l-gvern tiegħu mill-ewwel ta sinjal tal-bidliet li ried jagħmel.

Abela qal ukoll li bis-saħħa ta’ dawn il-bidliet jemmen li Malta għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet li qed titlob Moneyval, li heddet li tagħmel greylisting ta’ Malta jekk ma turix li qed tiġġieled il-ħasil tal-flus kemm hemm bżonn.