Robert Abela, bħal Trump, mhux qed jimxi max-xjenza – Balzan

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan sostna li l-Prim Ministru Robert Abela, bħall-President tal-Istati Uniti Donald Trump mhux qed jimxi max-xjenza li hemm madwar il-coronavirus.

REUTERS/Kevin Lamarque

Hu qal dan f’kollegament li kellu waqt il-Breakfast Show fuq 103 Malta’s Heart, fejn tkellem ma’ Jesmond Saliba. Dwar l-istqarrija li bagħtet il-MAM kmieni dalgħodu fejn ħabbret numru rekord ta’ każi ġodda pożittivi għal-lum, Balzan qal li li jista’ jgħid huwa li n-numri tal-lum mhux se jkunu tajbin. Qal li n-numru eżatt ta’ każi se jkun iffinalizzat dalgħodu u mħabbar mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Mhux minnu li l-każi li hawn fil-pajjiż huma ħfief kif qal Abela, issa hemm seba’ persuni li jinsabu rikoverati fi sptar minħabba l-virus,” insista Balzan. Qal li hemm bżonn li ma jitħallewx gruppi ta’ aktar minn 10 u jkun hemm aktar infurzar.

Hu sostna li l-persuni li qed jaħdmu fis-saħħa pubblika u li qed jagħmlu contact tracing, fil-maġġoranza tagħhom, ġew minn parties, minn Paceville, bars u festini oħrajn bħal dawk tal-Griżma. Qal li mbagħad hemm dawk il-każi sporadiċi, jiġifieri li xi ħadd ikun ħareġ mid-dar u minkejja li ma jkunx qagħad f’rassa u jkun qagħad attent, spiċċa bela’ l-virus mingħajr ma jaf kif.

Balzan irrimarka li minkejja li Abela qed jinsisti li hemm bżonn li l-ekonomija tkompli għaddejja, il-fatt li hemm pajjiżi li qed jikkuntattjaw lill-Gvern Malti biex jgħidulu li ċittadini tagħhom ħarġu pożittivi wara li marru Malta, mhux tajjeb la għall-pajjiż u lanqas għall-ekonomija.

“L-akbar problema qed noħolquha aħna għal pajjiżi oħra,” insista Balzan. Qal li jekk per eżempju, Malta jiġu 500 Ġermaniż, u 50 minnhom joħorġu pożittivi u dawn jgħixu f’distretti differenti, dawn iktar diffiċli li jsir contact tracing tagħhom għax il-pajjiż ħafna akbar.