Riżultati tal-coronavirus jieħdu kważi 10 sigħat; infermiera inkwetati – MUMN

Read in English.

Hekk kif ir-riżultati tat-testijiet li qed isiru lill-pazjenti fil-wards tal-Isptar Mater Dei qed idumu ma joħorġu bejn sitta u 10 sigħat, l-infermiera jinsabu anzjużi hekk kif qed jitħallew mingħajr ilbies protettiv. Dan skont l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) f’ittra li bgħatet lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Fl-ittra spjegat li dan l-inkwiet mhux esklussiv biss għall-Isptar Mater Dei, iżda jinkludi l-infermiera ta’ San Vinċenz De Paul u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace, li ffirma l-ittra lill-Gvern, qal li mhux sew li għandek infermiera li jridu jħabbtu wiċċhom ma’ pazjenti li hemm 50% ċans li għandhom il-coronavirus mingħajr ma jingħataw ilbies protettiv sakemm joħroġ ir-riżultat.

Qal li mhux aċċettabbli li l-ICU fl-Isptar Mater Dei mhux qed tipprovdi dan l-ilbies f’dawn il-każijiet speċifiċi. Qal ukoll li mhux aċċettabbli li jekk l-iscreening joħroġ pożittiv, dawn l-infermiera jkollhom jintbagħtu d-dar taħt kwarantina mandatorja. Qal li b’riżultat ta’ dan, ċertu infermiera qed ikollhom jiżolaw lilhom innifishom mill-qraba tagħhom għal 14-il jum.

Pace talab lill-Ministru Fearne sabiex jintervjeni fil-konfront ta’ dawn il-prattiċi ħżiena u ma jippermettix li jibqgħu jsiru. Intant fakkar fit-talba preċedenti li għamlet l-unjin għall-coveralls. Sostna li t-taħriġ dwar l-ilbies huwa bla sens ladarba dawn lanqas qed jingħataw l-ilbies protettiv bażiku li hemm disponibbli fl-isptar.

Sostna li jekk dan jibqa’ jsir, l-isptar se jibqa’ dejjem jispiċċa b’nuqqas ta’ infermiera għax dawn jibqgħu jiġu sfurzati jmorru f’darhom għall-kwarantina mandatorja. Qal li jidher li mhux biżżejjed li diġà hemm mal-100 infermier fi kwarantina.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn