Riżultati ta’ testijiet f’siegħa minflok wara 12-il ġimgħa

DOI: Pierre Sammut

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li teknoloġija moderna installata fil-laboratorji molekulari tal-Isptar Mater Dei wasslet biex fejn sa ftit xhur ilu riżultati ta’ testijiet speċifiċi li kienu jieħdu bejn tmien u 12-il ġimgħa biex joħorġu, issa jistgħu jinkisbu f’temp ta’ siegħa.  Fost dawn it-testijiet hemm tat-tuberkulożi.

Fearne qal dan meta żar il-laboratorji u stqarr li permezz tal-investimenti li saru, ir-riżultati tat-testijiet jistgħu issa joħorġu malajr u xorta waħda jkunu preċiżi. Fearne żied jgħid li minflok fil-laboratorju jitkabbar il-mikrobu issa qed issir analiżi tal-mikroba għad-DNA u l-RNA tiegħu u dan iwassal għal aktar preċiżjoni.

Huwa ddeskriva x-xogħol fil-laboratorji bħala wieħed speċjali, li ma jidhirx imma li huwa importanti ħafna u li għalih l-istaff jingħata taħriġ kontinwu. Hu qal ukoll li huwa kkalkulat li f’sena fil-laboratorji ta’ Mater Dei jsiru madwar 400,000 test.