Riżultati pożittivi minn vaċċin kontra l-coronavirus

Il-vaċċin sperimentali kontra l-COVID-19 manifatturat minn Moderna Inc, l-ewwel wieħed ittestjat fl-Istati Uniti, ipproduċa antikorpi protettivi fi grupp żgħir ta’ voluntiera b’saħħithom, skont data bikrija maħruġa minn kumpanija bioteknika nhar it-Tnejn. 

Id-data tirriżulta minn tmien persuni li pparteċipaw f’testijiet sikuri fuq 45 persuna li bdew f’Marzu li għadda. Il-vaċċin ta’ Moderna huwa wieħed fost aktar minn 100 li qed jiġu żviluppati bħalissa, maħsuba biex jipprovdu protezzjoni kontra n-novel coronavirus li infetta lil aktar minn 4.7 miljun persuna u qatel lil aktar minn 317,000 persuna globalment.

B’kollox, l-istudju juri li l-vaċċin huwa sikur u l-parteċipanti kollha f’dan l-istudju pproduċew antikorpi kontra l-virus.

Analiżi tar-rispons fi tmien individwi wriet li dawk li rċevew doża ta’ 100 mikrogramma u persuni li rċevew doża ta’ 25 mikrogramma kellhom livelli ta’ antikorpi protettivi biex jiġġieldu kontra l-virus, li kienu jeċċedu lil dawk misjuba fid-demm ta’ persuni li fiequ mill-COVID-19, il-marda kkawżata mill-coronavirus.

L-aħbar li ngħatat fi stqarrija maħruġa mill-kumpanija ta’ bioteknoloġija fl-Istati Uniti, wasslet għal żieda ta’ 20% fil-valur tal-ishma ta’ Moderna. 

Moderna bdiet offerta ta’ ishma b’valur ta’ $1.34 biljun, bi prezz ta’ $76 għal kull sehem tard nhar it-Tnejn. Il-kumpanija kienet ħabbret qabel li qed tippjana li tbigħ valur ta’ $1.25 biljun fi stokkijiet komuni biex ikollha l-kapital għall-iżvilupp u l-manifattura tal-vaċċin.

“Dawn huma sejbiet sinifikanti, imma din għadha l-ewwel fażi fit-testijiet kliniċi li inkludew biss 8 persuni. L-għan ewlieni kienet is-sikurezza u mhux l-effikaċja,” qal Dr Amesh Adalja, espert tal-mard infettiv fiċ-Ċentru għas-Sikurezza fis-Saħħa Johns Hopkins, li ma kienx involut fl-istudju.

Din id-data bikrija toffri raġġ ta’ tama għal vaċċin, li huwa fost l-aktar avvanzati fl-iżvilupp tiegħu.

Adalja qal li għad jistgħu jinqalgħu diversi intoppi minn issa sa meta l-vaċċin jiġi ttestjat għall-effikaċja tiegħu fuq eluf ta’ persuni. “Dak li qed naraw bħalissa huwa inkoraġġanti,” żied jgħid. 

Ix-xjentisti qed jippruvaw jifhmu liema livell ta’ antikorpi finalment se jkun l-aktar effettiv biex jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa kontra n-novel coronavirus, u kemm se ddum din il-protezzjoni.

Moderna qalet li l-vaċċin jidher li jirrispondi skont id-doża, li jfisser li l-persuni li rċevew doża ta’ 100 mcg ipproduċew aktar antikorpi minn persuni li rċevew doża anqas. 

Il-vaċċin irċieva l-permess li jgħaddi għat-tieni fażi tal-ittestjar fuq il-bnedmin. Il-ġimgħa l-oħra, ir-regolaturi fl-Istati Uniti taw l-istat ta’ prijorità lil dan il-vaċċin sabiex iħaffu l-proċess ta’ reviżjoni regolatorja.

It-tieni fażi, jew midstage, hi maħsuba biex tkompli tiġi ttestjata l-efettività u tinstab doża ottimali, u Moderna qalet li biddlet pjanijiet biex tittestja doża ta’ 250 mcg u minflok se tittestja doża ta’ 50 mcg.

It-tnaqqis fid-doża meħtieġa biex tipproduċi immunità jista’ jwassal biex jitnaqqas l-ammont ta’ vaċċin meħtieġ għal kull titqiba, li jfisser li l-kumpanija tkun f’pożizzjoni li tipproduċi aktar mill-vaċċin.

NIMMASSIMIZZAW IN-NUMRU TA’ DOŻI

“Fil-kuntest tal-pandemija, nistennew li t-talba se tkun ħafna ogħla mill-provvista, u doża aktar baxxa tfisser li nkunu nistgħu nipproteġu lil aktar nies,” qal il-Kap Uffiċjal Mediku, Tal Zaks.

F’April, il-gvern tal-Istati Uniti tefa’ l-fiduċja tiegħu fuq Moderna, billi appoġġja lil din il-kumpanija b’$483 miljun mill-Awtorità għar-Riċerka Avvanzata u l-Iżvilupp Biomediku (BARDA), parti mid-Dipartiment tal-Istati Uniti għas-Saħħa u s-Servizzi Soċjali (HHS).

Il-kumpanija qalet li l-għotja se tippermetti li din tipprovdi miljuni ta’ dożi fix-xahar fl-2020, u b’aktar investiment, għexieren ta’ miljuni fix-xahar fl-2021 jekk il-vaċċin ikun suċċess.

“Qed ninvestu fil-proċeduri ta’ manifattura sabiex nimmassimizzaw in-numru ta’ dożi li nistgħu nipproduċu, biex nipproteġu lil kemm nistgħu persuni mill-effetti tas-SARS-CoV-2,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Moderna, Stéphane Bance, filwaqt li uża l-isem uffiċjali għall-virus il-ġdid.

F’Mejju, Moderna bdiet kollaborazzjoni ta’ għaxar snin ma’ Lonza Group, li matul iż-żmien se tippermetti lill-kumpanija tipproduċi sa biljun doża ta’ 50 mcg tal-vaċċin sat-tmiem tal-2021, qal Zaks matul intervista.

Il-kumpanija qed taħdem fuq pjan biex tipprovdi vaċċin lil pajjiżi barra mill-Istati Uniti, kompla jgħid Zaks.

“L-Istati Uniti hija lesta biex tkun l-ewwel pajjiż benefiċjarju ta’ dan il-vaċċin,” qal Zaks, u kompla jgħid li l-kumpanija temmen li għandha “obbligu etiku li tagħmel dan il-vaċċin disponibbli li kull min għandu bżonnu madwar id-dinja.”

Moderna qalet li qed tistenna li tibda test akbar fi stadju sussegwenti, jew it-tielet fażi, f’Lulju li ġej.

Bħalissa m’hemm l-ebda trattament jew vaċċin approvat kontra l-COVID-19, u l-esperti jipprevedu li vaċċin sikur u effettiv jista’ jieħu bejn 12 u 18-il xahar mill-bidu tal-iżvilupp, li fil-każ ta’ Moderna kien Jannar li għadda.

L-aktar effetti notevoli rrappurtati wara testijiet bikrin tal-vaċċin ta’ Moderna kienu tliet parteċipanti li kellhom sintomi simili għall-influwenza wara li rċevew it-tieni tilqima bl-ogħla doża. Il-kumpanija qalet li temmen li s-sintomi huma riżultat indirett minħabba rispons immunitarju qawwi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn