“Riżultati għadhom mhux ippubblikati” – Għaqdiet tal-liġi fl-Università

Jinsistu għal estensjonijiet tal-eżamijiet ta’ Settembru

ELSA Malta, GħSL u JCA esprimew it-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas tal-pubblikazzjoni ta’ diversi riżultati ta’ dissertazzjonijiet kif ukoll il-pubblikazzjoni tard ta’ bosta riżultati ta’ eżami.

L-għaqdiet sostnew li huwa inaċċettabbli li l-iskadenzi ġew kompletament injorati, jiġiferi ksir tar-regolamenti tal-Università. Ir-riżultati kollha kienu maħsuba biex jiġu ppubblikati sal-31 ta’ Lulju, bl-iskadenza tiġi estiża għall-5 t’Awwissu. Disgħa ijiem wara, l-istudenti għadhom jistennew ir-riżultati tad-dissertazzjoni tagħhom bi ftit jew xejn spjegazzjoni jew rimedju mogħti mill-fakultà.

Huma żiedu jgħidu li dawn il-kwistjonijiet m’għandhom bl-ebda mod jiżvantaġġjaw l-istudenti fis-sessjonijiet ta’ Settembru, u lanqas ma jtawwlu l-ansjetà li jirċievu r-riżultati u l-implikazzjonijiet tagħha fuq is-sigurtà ta’ posthom fil-kors. 

Għalhekk, ELSA Malta, GħSL u JCA qed jitolbu lill-Fakultà tal-Liġi biex mhux biss jippubblikaw riżultati ta’ dissertazzjoni pendenti mingħajr aktar dewmien, iżda wkoll qed jagħmlu pressjoni biex l-Università testendi d-dati tas-sessjoni mill-ġdid jew toffri lill-istudenti kumpens xieraq.