Riżultat pożittiv għall-ekonomija Maltija –S&P

Malta laħqet il-livell ta’ A- bi prospetti pożittivi wara li l-ekonomisti tal-aġenzija internazzjonali Standard and Poor qalet li l-ekonomija ta’ Malta kibret b’pass mgħaġġel, permezz ta’ żieda fl-imjiegi u tnaqqis fid-dejn tal-Gvern.

L-aġenzija faħħret il-miżuri li ħa l-Gvern fil-qasam ekonomiku filwaqt li maqdret il-kontabbiltà u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet li skont l-aġenzija, jidhru li ddgħajfu. Standard and Poor qed jestimaw li t-tkabbir ekonomiku din is-sena se jkun ta’ 5%. Permezz tal-industriji tal-gaming u t-turiżmu, l-aġenzija qalet li se jkomplu jixprunaw l-investiment. Hija osservat kif fl-aħħar ħames snin Malta ħadmet biex daħlet fl-oqsma tal-loġistika li qed iħallu l-frott fit-tkabbir ekonomiku.

L-aġenzija elenkat il-pressjonijiet regolatorji li possibbilment se jkun hemm fuq is-settur tal-gaming u qalet li  jista’ jkun hemm impatti negattivi fuq l-ekonomija ta’ Malta. Skond ir-rapport, il-klassifikazzjoni ta’ Malta kienet ristretta minħabba l-fatt li l-ekonomija hija żgħira  u miftuħa u li dan ipoġġiha f’riskju għal xokkijiet esterni.