Riżultat Elezzjoni: Is-soltu joħroġ fi 3 ijiem; issa f’inqas minn 3 minuti

Beppe Galea

Fejn is-soltu r-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jieħdu tlett ijiem biex jiġu konklużi, din is-sena r-riżultat hu mistenni li joħroġ f’temp ta’ ftit sekondi sa massimu ta’ tliet minuti.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, li tmexxiet mill-Kap Kummissarju Elettorali Joseph Church.

Uffiċjal tal-Kummissjoni Elettorali spjega kif kien Church innifsu li ssuġġerixxa sistema elettronika wara l-elezzjoni tal-MEPs fl-2014. Kompla jispjega l-proċessi ta’ kif se tkun qed taħdem is-sistema f’dawn l-elezzjonijiet:

X’se jiġri s-Sibt filgħaxija?

  • Fl-10pm jibdew jaslu l-kaxxi fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti
  • Jibdew jinfetħu l-kaxxi u jitpoġġew f’kontenituri
  • Matul il-lejl jinfetħu l-kaxxi kollha ta’ kull distrett

Meta hu mistenni r-riżultat?

  • It-tieni proċess jibda mhux qabel is-7am tal-Ħadd. Dan ifisser li f’temp ta’ siegħa u nofs mistenni joħroġ l-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat mill-kampjuni tal-partiti
  • Il-voti ta’ kaxxa waħda minn kull lokalità jibdew jiġu ċċekkjati minn wara, biex jiġi kkonfermat li huma validi, jiġifieri bit-timbru
  • Il-voti jibdew jiddawru wiċċhom ‘il fuq u jitpoġġew fil-kontenituri “Għall-Wiri”
  • Voti li jinstabu marki fuqhom jitpoġġew fil-kontenitur tad-dubjużi
  • Jekk jinstabu marki fuq il-vot dawn jitpoġġew fil-kontenitur tad-Dubjużi
  • Il-voti jibdew jiġu skennjati. Minbarra li jgħodd in-numru ta’ voti, l-iscanner se jimmarka kull vot b’numru uniku
  • Allokat għal kull kaxxa hemm madwar 15-il minuta u 15-il minuta oħra biex jiġu skennjati

Ir-riżultat uffiċjali ma jistax joħroġ mill-Kummissjoni Elettorali qabel il-11pm tal-Ħadd, minħabba r-regolamenti tal-Parlament Ewropew.

Kemm hemm eliġibbli li jivvutaw?

Joseph Church qal li sal-bieraħ filgħaxija kienu għadhom ma nġabrux 42,927 vot għall-elezzjonijiet tal-MEPs u 96,654 ma ġabrux tal-Kunsilli Lokali. Spjega li fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej hemm eliġibbli li jivvutaw 360,000 votant għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u 424,000 għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. B’kollox se jkun hemm 726 post tal-votazzjoni.