Aġġornata: “Muscat qed ikompli jiddefendi lil min qatel lil Daphne” – Gomes

Il-Parlament Ewropew iddiskuta riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta u fis-Slovakkja. Uħud mill-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni qed jisħqu li għandu jiġi ppubblikat r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant, il-bidu ta’ inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia u li titwaqqaf l-iskema ta’ bejgħ tal-passaporti.

Fid-dibattitu, Ana Gomes, l-MEP Portuġiża mill-Partit tas-Soċjalisti Ewropej tkellmet b’mod iebes kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u qalet li bl-aġir tiegħu qed jiddefendi lil min qatel lil Daphne Caruana Galizia.

Id-diskors ta’ Gomes wassal lill-MEP Maltija Miriam Dalli biex targumenta mal-kollega tagħha li kienet bilqiegħda żewġ siġġijiet ‘il bogħod. Dan wassal lil min kien qed imexxi d-dibattitu biex iwaqqaf id-diskors ta’ Gomes u jgħidilhom biex ikomplu jargumentaw ‘il barra mill-kamra.

Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili (LIBE) ħejja din ir-riżoluzzjoni bil-kontribuzzjoni ta’ diversi MEPs ġejjin mill-partiti ewlenin fi ħdan il-Parlament Ewropew forsthom tal-Partit Popolari Ewropew u tas-Soċjalisti Ewropej.

“M’għandhiex tkun kontroversjali” – Metsola

Il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola li hija membru fil-kumitat LIBE qalet li din ir-riżoluzzjoni m’għandhix għalfejn tkun kontroversjali għaliex tipprovdi struttura biex il-Gvernijiet futuri ta’ Malta u tas-Slovakkja jsaħħu l-liġijiet u biex id-demokrazija Ewropea tibqa’ soda.

Qalet li mhux dejjem faċli li xxejjer il-bandiera ta’ Malta anke fl-ambitu li dawk fil-poter qed jonfħu r-riħ kontra permezz tal-propaganda tagħhom. Saħqet li huija qiegħda fil-politika biex iżżomm sod għal dak li temmen fih u qalet li sakemm tibqa’ eletta se tibqa’ tiġġieled għal valuri.

“Malta tirrispetta s-saltna tad-dritt” – Sant

Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal Malta hi, u se tibqa’ tkun, stat li jirrispetta bis-sħiħ is-saltna tad-dritt. Sant qal li kwistjonijiet dwar is-saltna tad-dritt qed jintużaw biex imexxu ’l quddiem interessi partiġġjani li jeżistu fil-politika nazzjonali Maltija. Stqarr li qed isiru akkużi dwar Malta li huma fattwalment żbaljati u mgħawġa.

Qal li stenna li l-Parlament Ewropew għandu jaffaċċja l-fatti b’onestà.

“Niddefendi lil Malta minn min ma jridx jirrikonoxxi l-fatti” – Dalli

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli qalet li qed tiddefendi lil Malta minn min ma jridx jirrikonoxxi l-fatti. Qalet li l-ironija hi li filwaqt li l-Parlament Ewropew qed jiffoka fuq Malta, il-Gvern Malti ressaq emendi fil-Parlament fuq il-parir tal-Kummissjoni Venezja biex jirriforma l-liġijiet.

L-MEP tal-Partit Laburista indirizzat ukoll lill-Kummissarju Ewropea Vera Jourová, fejn fakkritha f’ittra li l-Gvern Malti bagħtilha dwar riformi fil-qasam ġudizzjarju li l-Gvern jaqbel magħhom u li Jourová lanqas biss irreferiet għalihom.