Il-Parlament japprova unanimament il-proġett tal-mina

Il-Parlament approva b’mod unanimu riżoluzzjoni mressqa mill-Gvern biex jitwettaq il-link permanenti bejn Għawdex u Malta bil-Gvern jgħid fi stqarrija li issa mhux biss hemm mandat elettorali iżda mandat mill-Parlament kollu biex dan il-proġett iseħħ.

Il-Prim Ministru aċċetta numru ta’ emendi li ġew imressqa mill-Oppożizzjoni fuq l-mozzjoni li tressqet mill-Gvern. Muscat intrabat li r-rapporti li huma lesti dwar il-proġett se jiġu ppubblikati.

Muscat qal li din kienet wegħda maġġuri tal-partiti kollha u mhux tal-gvern biss. Hu qal li l-Gvern qed iħares ‘il quddiem biex il-proġett isir fl-inqas żmien possibbli fir-rispett tal-liġijiet kollha u tan-natura.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li f’dan l-istadju mhu qed tiġi eskluża l-ebda alternattiva, ir-rapport tal-Jespers tal-2012 jgħid li l-aħjar mod kif isir hu li titħaffer mina taħt is-seabed u mhux li jitwaddab tubu f’qiegħ il-baħar. Huwa qal li allura li waħda mill-affarijiet li se jiġu kkunsidrati meta jiġi biex jitwettaq dan il-proġett hi r-riżors tal-ġebel li se joħloq dan il-proġett fit-twettiq tiegħu u se jsir minnu.

Muscat qal li mis-sitt emendi, il-Gvern kien qed joffri kontra-emendi li ma jibiddlux is-sustanza iżda l-istil ta’ kif inkitbu l-emendi. Il-Gvern intrabat li jippubblika l-istudji li saru, li jagħmel l-Environmental Impact Assessment u l-Istrategic Environment Assessment kif ukoll li jsir studju dwar possibiltà ta’ użu tat-trasport tal-massa.

“Pożittiv imma xorta għandhom jiġu indirizzati l-problemi preżenti” – Delia

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li huwa pożittiv li l-Gvern u Oppożizzjoni għandhom pożizzjoni komuni dwar il-proġett ta’ mina, iżda li dan ma għandux iwaqqaf lill-Gvern biex malajr kemm jista’ jkun jiġu indirizzati l-problemi ta’ konnettività li fil-preżent hemm bejn Malta u Għawdex.

Delia filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru talli laqa’ l-emendi tal-Oppożizzjoni, qal li sa fl-aħħar il-pajjiż wasal kif jagħmel mod ġdid fil-politika, fejn l-Oppożizzjoni tista’ tkun propożittiva biex jibbenefikaw il-Maltin u l-Għawdxin.

Qal li jekk isir hekk f’affarijiet oħra li taffettwa l-ħajja tagħna ta’ kuljum anke b’mod ambjentali, igawdi kulħadd.

Delia qal li l-Oppożizzjoni kellha diversi laqgħat ma’ għaqdiet u NGOs u dawn esprimew ix-xewqa li jiġu proposti l-emendi li saru llum.