Riżenji fil-PN minn ftit qrib ħafna ta’ Delia

Adrian-Delia-Charmaine-Aquilina-Andre-Grech-Deborah-Mifsud

Read in English.

L-għada li aktar minn żewġ terzi tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista eleġġew lil Bernard Grech bħala Kap, u Adrian Delia appella biex kulħadd jingħaqad, numru żgħir ta’ kollaboraturi li ħadmu mill-qrib ta’ Adrian Delia rriżenjaw mill-karigi tagħhom fil-PN u mhux se jibqgħu jirrappreżentaw lill-PN fil-Kunsill Lokali rreżenjaw ukoll mill-Eżekuttiv. Sadanittant Terry ta’ Bormla qalet li se tittessera fil-Partit Laburista.

Erġa’ segwi dak li ġara lbieraħ…
Filmati u ritratti: Bernard Grech jirbaħ b’69.3%

Deborah Mifsud, Kunsilliera tal-PN f’Birkirkara infurmat lis-Segretarju tal-PN Francis Zammit Dimech li mhux se tibqa’ tirrappreżenta aktar lill-PN u għaldaqstant se tirriżenja biex tibqa’ Kunsillier indipendenti fuq dan il-Kunsill Lokali. Il-PN tilef il-maġġoranza f’dan il-Kunsill fl-2017. Hija rriżenjat ukoll minn membru tal-Eżekuttiv.

Newsbook.com.mt huwa infurmat ukoll li s-sieħeb tagħha, Andre Grech, irriżenja minn President tal-SMEPN u għalhekk awtomatikament tilef postu bħala membru tal-Eżekuttiv jirrappreżenta lil din il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista.

Doriana Portelli, Kunsilliera tal-PN f’Birżebbuġa u Charmaine Auqilina, Kunsilliera tal-PN fil-Marsa, it-tnejn li huma qalu li se jirriżenjaw mill-PN biex jibqgħu fil-Kunsill Lokali rispetti tagħhom b’mod indipendenti. Fiż-żewġ lokalitajiet, il-PN qiegħed fil-minoranza.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, kelliem għal Bernard Grech ma kkumentax dwar dawn l-iżviluppi.

Intant, fuq Facebook, Terry ta’ Bormla li kienet fost il-persuni li qajjmu kommossjoni quddiem id-Dar Ċentrali ftit tal-ġimgħat ilu waqt li kienu qed jissapportjaw lil Adrian Delia, qalet li se tissieħeb membru fil-Partit Laburista. Hija stiednet lis-segwaċi tagħha biex isegwuha b’mod dirett meta hi tmur tittessera fil-Partit Laburista għada fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Ada filghodu kunu live mieghi fuq facebook hbieb❤🇲🇹Ha nkun il-kwartieri tal-Labour,ha mmur naghmel it-tessera bhall ma…

Posted by Terry Ta Bormla on Sunday, October 4, 2020

Ilbieraħ, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia offra l-lealtà tiegħu lil Bernard Grech bħala Kap ġdid. Qal li qed iwiegħdu s-sapport tiegħu, l-istess ħaġa li huwa qal li ma sabx meta laħaq Kap tliet snin ilu.

L-istess għamel il-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo meta dalgħodu qal li qed joffri “l-lealtà assoluta” lil Bernard Grech.

Id-dettalji tal-istqarrija ta’ Robert Arrigo
Arrigo jwiegħed lealtà lil Bernard Grech

Lealtà jew riżenja?
Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt