Aġġornata: Il-Pulizija xorta se tibqa’ tinvestiga lil Tonna dwar vjolenza domestika

Il-Korp tal-Pulizija se jibqa’ għaddej bl-investigazzjonijiet tiegħu fil-konfront tal-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna, li fil-jiem li għaddew irriżenja minħabba rapport ta’ vjolenza domestika mis-sieħba tiegħu.
Dan minkejja li s-sieħba ta’ Tonna rtirat ir-rapport.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk Tonna jistax jerġa’ jidħol lura fil-Korp ladarba twaqqgħu l-akkużi, kelliem għall-Korp tal-Pulizija qal lil Newsbook.com.mt li skont il-liġi, il-Pulizija ma tistax tirtira akkużi li huma ta' natura 'ex officio', jiġifieri akkużi li jsiru kontra uffiċjal meta dan ma jkunx waqt il-ħin tax-xogħol, u dan anke jekk jiġu rtirati mill-individwu li jagħmel ir-rapport.
Il-kelliem kompla jgħid li Tonna rriżenja b’effett immedjat u m’għadux jagħmel parti mill-Korp.
“Il-Korp qed jinvestiga biex isib lil min kixef ir-rapport mal-midja”
L-istess kelliem ikkonferma l-aħbar ta’ Newsbook.com.mt li uffiċjali li b’xi mod jew ieħor raw ir-rapport li għamlet is-sieħba tiegħu, qed jissejħu wieħed wieħed u waħda waħda biex jinstab min żvela r-rapport lill-midja.
Sorsi infurmati sewwa qalu lil Newsbook.com.mt li l-Korp ma ħax gost li din l-aħbar ġiet żvelata, u għalhekk li qed issir investigazzjoni interna sabiex jinstab min ħareġ fil-beraħ dar-rapport.
Min-naħa tiegħu l-kelliem għall-Pulizija spjega li “l-kxif jew komunikazzjoni lil terzi minn membru tal-Korp ta’ kwalunkwe informazzjoni li tkun inkisbet minħabba l-funzjoni tiegħu jista’ jammonta għall-reat kriminali jew dixxiplinarju.”
“Tonna rriżenja bi skop”
Sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt illi minkejja r-riżenja ta’ Tonna mill-Korp, il-każ li dwaru sar rapport m’għandux jintesa.
L-istess sorsi żiedu li għandha ssir inkjesta dwar aspetti oħra tal-każ fosthom allegazzjonijiet ta’ xorb żejjed li juru nuqqas ta’ dixxiplina fil-Korp.
Skont is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, ir-riżenja ta’ Tonna saret bl-iskop li jieħu l-pensjoni ta’ Assistent Kummissarju peress li kien diġà għamel żmienu fis-servizz.
“Il-każ m’għandux jieqaf minħabba r-riżenja”
L-Avukat Joe Giglio f’kummenti li ta’ lit-Times of Malta qabel li l-Pulizija għandha tkompli tinvestiga. Huwa qal li l-allegazzjonijiet li saru fil-midja huma tali li l-Pulizija għandha s-setgħa tmexxi dwarhom anke jekk min għamel ir-rapport ikun irtirahom.
Newsbook.com.mt kien ilu li tkellem dwar Tonna, minn Frar li għadda meta kiteb li s-sieħba tiegħu kienet irrappurtatu għal vjolenza domestika. Dakinhar il-ġlied bejn Tonna u seħbitu kienu tali li skont sorsi, l-Assistent Kummissarju kellu jieħu s-sick leave għax ma setax ikun preżenti għal xogħlu għax allegatament tqattgħetlu l-uniformi.
Is-sorsi tagħna qalulna li kien hemm diversi allegazzjonijiet li Tonna kellu problema ta’ xorb.
Qalu li ħa l-mediċina mhux xorob
Newsbook.com.mt staqsa lill-Pulizija dwar id-darba li l-Kap Eżekuttiv tal-Korp, Angelo Gafa, kien sab lil Tonna fi stat, li min rah iddeskrivieh bħala tali li jixbaħ lil xi ħadd fis-sakra.
Il-Pulizija wieġbu li “f’dik il-ġurnata partikulari, irriżulta li Tonna kien qiegħed taħt medikazzjoni u fil-fatt gie mibgħut id-dar wara li kien jidherli ma kienx f’kundizzjoni ta’ stat tajjeb, li jibqa’ jagħmel ix-xogħol tiegħu kif mitlub.”
Is-sorsi tagħna qalulna li huma għandhom id-dubji tagħhom dwar il-validità tar-risposta. Żiedu wkoll li skonthom, Tonna ma kien jista’ għalih ħadd fil-Korp, u uffiċjali għolja dejjem għattewlu, taħt kull Gvern.
Il-Pulizija infurmawna wkoll illi “il-Korp tal-Pulizija għandu Uffiċjal Mediku li jara kull problema medika li jista’ jkollhom il-membri tal-Korp. Hemm ukoll Counsellor full time fil-Police Counselling Unit, fejn membri tal-Korp jistgħu jiġu riferuti kemm mill-Korp innifsu jew inkella jmorru b’mod volontarju. Apparti minn dawn is-servizzi offruti mill-Korp, is-Servizz Pubbliku jipprovdi servizzi simili, permezz tal-Employee Support Programme (ESP) lil uffiċjali pubbliċi kollha, inkluż il-membri tal-Korp.”
Dwar dal-każ, il-Ministru Farrugia kien qal li Tonna kien bieżel waqt xogħlu, liema kummenti l-Oppożizzjoni kkritikat, għax qalet li l-Ministru bihom iġġustifika l-vjolenza domestika.