Riveduti l-pjanti biex jinkludu mina għaċ-ċiklisti fil-Marsa

Read in English.

Infrastructure Malta qed taħdem mal-għaqda taċ-ċiklisti, il-Bicycle Advocacy Group (BAG), biex tibni mina taħt il-junction tal-Marsa li hija l-aktar junction li tintuża fis-sistema tat-toroq Maltin. Dan wassal biex ġew riveduti l-pjanti biex minflok il-pont issir mina qasira, b’tul ta’ 10 metri u wiesgħa 5 metri, biex iċ-ċiklisti u dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jużawha bla periklu u bla biża’.

Fi stqarrija konġunta bejn iż-żewġ entitajiet huma qalu li dan qed isir biex itejbu s-sigurezza u l-effiċjenza tal-infrastruttura ġdida għaċ-ċiklisti fi proġetti li qegħdin isiru bħalissa jew li huma ppjanati għaż-żmien li ġej.

Intqal li b’riżultat ta’ din il-konsultazzjoni kontinwa, Infrastructure Malta qed iżżid mina ġdida fil-Marsa Junction Project biex tiffaċilita l-ivvjaġġar bil-mixi u bir-rota minn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u Santa Luċija lejn il-Marsa u Ħal Qormi, jew bil-kontra. Il-mina ġdida twila 10 metri se tinfetaħ għaċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi sal-aħħar ta’ din is-sena, flimkien ma’ aktar minn kilometru ta’ korsiji għar-roti li Infrastructure Malta qed tibni bħala parti mill-istess proġett.

Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini mill-ġdid tal-junction tul ir-rotta arterjali prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta tan-netwerk Ewropew TEN-T. Minbarra seba’ flyovers ġodda li qed jeliminaw it-traffic lights qodma li kien hemm f’din il-junction u li se jnaqqsu l-ħin fl-ivvjaġġar u l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni tul din ir-rotta, dan l-investiment ta’ €70 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea se joħloq ukoll bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u tmien waqfiet għall-karozzi tal-linja, żewġ żoni ta’ park and ride u passaġġi għar-roti mifrudin mit-triq. Dawn il-faċilitajiet se jkunu mdawwrin b’żoni msebbħin bis-siġar, pjanti u xogħlijiet artistiċi għall-pubbliku.

Waqt laqgħat li saru mat-tim tal-Marsa Junction Project, il-Bicycle Advocacy Group saħaq dwar l-importanza ta’ din ir-rotta bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u l-Marsa u rrimarka li l-pont pedonali li kien ippjanat li jsir fuq waħda mit-toroq ġodda ta’ dan il-proġett mhux mod konvenjenti għaċ-ċiklisti biex jaqsmu minn naħa għall-oħra tat-triq.

F’kummenti dwar dan l-iżvilupp, Matthew Farrugia, uffiċjal tal-BAG fissru bħala pass inkoraġġanti għaċ-ċiklisti li m’għandhomx għażla oħra ħlief li jgħaddu mill-Marsa.