Ritratti: Żvelat id-disinn tal-gabbani l-ġodda għad-daħla tal-Belt

Fil-ġimgħat li għaddew, bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Tritoni, twaqqgħu l-gabbani tad-daħla tal-Belt, illum il-Ministeru għall-Infrastruttura żvela d-disinn tal-gabbani l-ġodda.
F’konferenza, il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Gvern se jassigura li kull ma jkun hemm f’din il-pjazza pedonali bi spazju miftuħ, ikun ikun konformi mal-bqija tal-proġett b’mod ħolistiku.
Spjega li d-disinn tal-gabbani inħadem biex ikun sempliċi u b’daqs stabbilit biex kull gabbana jkollha mpatt viżwali mill-inqas, kemm meta jkun magħluqa u anke miftuħa. 
Id-disinn sar minn perit Eric Gerardi, fi ħdan il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li hija l-entità li qed tissorvelja dan il-proġett.
Il-gabbani se jkunu magħmulin minn struttura tal-metall u tal-injam li se jservu biex ikun hemm dell mix-xemx u protezzjoni mix-xita. Dawn se jibqgħu stazzjonati dejjem fl-istess post u se jkollhom ilma, elettriku, sistema ta’ drenaġġ kif ukoll internet u mhux se jkunu permessi imwejjed u siġġijiet quddiem il-kiosks.
Il-Ministru qal li peress li l-gabbani se jkunu f’post strateġiku, il-Ministeru xtaq li l-pubbliku jagħti l-opinjoni tiegħu fuq id-disinn qabel ma jinħareġ it-tender biex jiġu manifatturati.
Iċ-Chairman tal-GHRC Stefan Zrinzo Azzopardi qal li se jkun hemm kundizzjonijiet stretti fuq l-infrastruttura tal-kiosks filwaqt li l-uniformità se tingħata importanza kbira.
Min jixtieq jagħti r-reazzjoni tiegħu jista’ jagħmel dan billi jibgħat email fuq ghrc@gov.mt.