Ritratti: Żejt fil-baħar qrib fejn inkalja l-bastiment; TM tgħid li m’għandux x’jaqsam

Ritratti mill-ajru li tfaċċaw fuq il-midja soċjali juru l-bastiment li nkalja ftit tal-jiem ilu fi Fra Ben inixxi ż-żejt.
Dan wara li Transport Malta assigurat li l-erba’ metri kubi ta’ fjuwil li kien hemm abbord ma kellu l-ebda periklu li jinfirex u assigurat li m’hemmx biża’ ta tniġġis.
Transport Malta kienet infurmat lill-pubbliku li t-tim kontra t-tniġġis fil-baħar ta’ Transport Malta, il-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija qed iwettqu moniteraġġ kontinwu fuq il-bastiment.
Magħhom hemm ukoll uffiċjali mill-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) li qed jissorveljaw is-sit biex jevitaw li ssir xi ħsara ambjentali.
“Qed jittieħdu l-passi neċessarji biex jitwaqqaf iż-żejt” – TM
Transport Malta qalet li l-kuntrattur li ġie mqabbad biex jirkupra l-vapur qed iniżżel fil-baħar apparat biex iżomm iż-żejt milli jkompli joħroġ mit-tanker.
Ix-xogħol beda aktar kmieni llum.
L-istqarrija kompliet takkar kif uffiċjali minn Transport Malta flimkien mal- Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) għadhom qed jissorveljaw il-bastiment.
Huma nsistew li ż-żejt fil-bastiment mhux wieħed tqil u għalhekk ma hemmx risku veru ta’ tniġġiż minħabba li ż-żejt se jibqa fuq wiċċ l-ilma u għalhekk se jevapora bilmod.
Ritratti: Michael Boyianzis