Ritratti: Xufiera jilmentaw minħabba s-sħana; kelliema għall-MIA tgħid li jistgħu jistkennu fit-terminal

Aġġornat 04:27 PM

Xufiera tat-taxis li jinkrew minn qabel qed ikollhom jistennew lill-passiġġieri tagħhom barra l-ajruport fejn qed ikunu esposti għas-sħana tax-xemx.

Qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus dawn ix-xufiera kienu jistennew lill-klijenti tagħhom fit-terminal tal-ajruport b’karta bl-isem ta’ dak li jkun. Anke fl-eqqel tas-sajf ix-xufiera kienu jkunu fil-kumdità tal-arja kkundizzjonata tat-terminal qabel ma jiġbru l-passiġġieri tagħhom. Imbagħad mit-terminal kienu jimxu flimkien sal-vettura.

Minħabba tibdil li sar fir-regoli tal-ajruport, l-aċċess għat-terminals bħalissa huwa limitat għal dawk il-persuni li jkunu se jivjaġġaw, għajr għal xi eċċezzjonijiet.

Xufiera tat-taxis bagħtet ritratti lil Newsbook.com.mt tal-post fejn ix-xufiera qed ikollhom jistennew lill-passiġġieri tagħhom. Ilmentat li għalkemm l-awtoritajiet kellhom ġimgħat sħaħ biex jippjanaw l-affarijiet lanqas għamlu tinda fejn dak li jkun jista’ jistkenn ftit għad-dell. Saħqet li ż-żwiemel jiġu ttrattati aħjar mix-xufiera “għax tal-inqas dawk jagħmlulhom tinda”.

Però aktar tard kelliema għall-ajruport qalet lil Newsbook.com.mt li s-sala tal-wasliet għadha aċċessibbli għax-xufiera.

“Waħda mill-miżuri li ħa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, sabiex jillimita kuntatt mhux neċessarju bejn il-passiġġieri u l-viżitaturi, hija li rristruttura l-vjaġġ b’tali mod li passiġġer li jasal f’Malta jibqa’ ħiereġ mill-ġenb tal-binja u jispiċċa fil-parkeġġ tal-coaches,” qalet il-kelliema.

Spjegat li dan sar biex il-Sala tal-Wasliet tkun tista’ tibqa’ aċċessibbli għall-persuni li ma jkunux se jsiefru u li jkunu jixtiequ jidħlu fit-terminal sabiex jistkennu mill-qilla tax-xemx.

“Għaldaqstant, xufiera u persuni oħrajn li jkunu l-ajruport sabiex jiġbru lil xi ħadd jistgħu jidħlu jistennew hawnhekk,” qalet il-kelliema.

It-temperaturi diġà bdew jaqbżu t-30 °C.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet dwar il-każ lill-Ministeru għat-Turiżmu wkoll.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ppubblika ħames affarijiet li wieħed għandu jżomm f’moħħu meta jsiefer.