Ritratti: Xarabank mimli nies jaqa’ minn fuq pont fil-Polonja

Agencja Gazeta/Dariusz Borowicz via REUTERS

Read in English.

Xarabank mimli nies waqa’ minn fuq pont fil-belt kapitali tal-Polonja, Warsaw. Inċident li ħalla persuna mejta u 17-il persuna oħra midruba skont l-awtoritajiet tal-pajjiż.

Reuters irrapporta kif xhud tal-inċident ra x-xarabank taqa’ fit-triq ta’ taħt il-pont u t-tieqa ta’ quddiem titfarrak kompletament. Spejga li nofs ta’ wara tax-xarabank kien għadu fuq parti mit-triq.

Grupp kbir ta’ ħaddiema tas-salvataġġ u oħrajn ta’ emerġenza ħadmu biex ineħħu t-tifrik minn fuq il-pont fis-sigħat ta’ wara l-inċident.

Il-Ministru għas-Saħħa tal-pajjiż ikkonferma li kien hemm persuna li tilfet ħajjitha. Qal li kien hemm ħames persuni oħrajn li ġarrbu ġrieħi serji u b’hekk qed jissieltu għal ħajjithom. Il-Pulizija qed jaraw x’seta’ kien dak li kkawża l-inċident li seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Is-sindku ta’ Warsaw qal li se tkun qed tissejjaħ kummissjoni speċjali biex tinvestiga l-kawża tal-inċident filwaqt li se jingħata s-sapport kollu psikoloġiku lil dawk affettwati mill-ħabta.